Meta l-affarijiet imorru ħażin
It-tim tagħna li joffri assistenza għall-klijenti kif ukoll it-tim ta’ tekniċi huma mħarrġa kontinwament sabiex jassistuk kull meta tesperjenza diffikultajiet waqt li tuża s-servizzi tagħna.
Qtugħ fil-provvista u emerġenzi tekniċi oħra
Jekk il-provvista ġiet interrotta, trid iċċemplilna fuq il-linja ta’ assistenza tagħna 24 siegħa kuljum, 8000 2224 jew iżżur il-paġna dwar il-qtugħ fil-provvista minn fuq dan is-sit elettroniku. It-tim tagħna li joffri assistenza għall-klijenti jiggwidak permezz ta’ diversi passi sabiex jiddetermina l-kawża tal-qtugħ tal-provvista tiegħek. Dan jista’ jkun ikkawżat minn operazzjoni ppjanata ta’ manutenzjoni fuq in-network fiż-żona tiegħek, nuqqas ta’ ħlas tal-kontijiet pendenti, ħsara fiċ-ċirkwit tal-elettriku intern tiegħek jew ħsara fid-distribuzzjoni tal-elettriku li tforni l-proprjetà tiegħek.
Meta tirrapporta qtugħ, nistgħu ngħarrfuk li nafu b’din l-interruzzjoni fiż-żona tiegħek u li t-tekniċi tagħna qed jaħdmu sabiex iġibu lura l-provvista. F’każijiet oħra, – pereżempju, jekk problema teknika qed taffettwa biss il-provvista tal-elettriku lill-proprejtà tiegħek – ngħarrfu lit-tekniċi tagħna sabiex jidentifika l-ħsara u jġib lura mill-iktar fis il-provvista tiegħek.
Tista’ wkoll tagħmel kuntatt magħna jekk tixtieqna ngħinuk dwar diffikultajiet oħra relatati, bħal:
- tirrapporta konnessjonijiet mhux imqabbdin sew, dawl iteptep jew diffikultajiet tekniċi oħra fil-provvista tal-elettriku tiegħek;
- tgħarrafna dwar apparat tal-elettriku bil-ħsara jew ta’ periklu, inkluż linji ta’ barra maqtugħin, linji mdendlin fil-baxx, brackets tal-cables imqaċtin u xrar tan-nar;
- titlob għajnuna ta’ emerġenza jew sabiex tiġi skonnettjata l-provvista minħabba ħsara serja lill-proprjetà tiegħek (inkluż nar);
- tirrapporta diffikultajiet fil-meter f’każ li jieqaf jirreġistra l-konsum u meta s-siġilli tal-meter ikunu maqtugħin jew neqsin.
Nissettjaw l-affarijiet sew
Kemm-il darba ma tkunx soddisfatt b’wieħed mis-servizzi tagħna jew inkella bil-livell ta’ assistenza li nipprovdulek, jekk jogħġbok għarrafna u agħtina l-opportunità sabiex intejbu l-esperjenza tiegħek. Agħmel kuntatt magħna permezz tal-posta elettronika (email), ċemplilna jew żur l-uffiċini tat-tim tagħna li joffri assistenza għall-klijenti, ħalli nkunu nistgħu nieħdu l-azzjoni meħieġa sabiex intejbu s-servizzi tagħna lilek filwaqt li jiġu evitati sitwazzjonijiet simili ma’ klijenti oħra.
Filwaqt li nifhmu d-diżappunt tiegħek, nitolbuk ġentilment tibqa’ kalm u tesprimi n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħek bl-edukazzjoni. Jista’ jkun li ma nkunux nistgħu noffrulek soluzzjoni immedjata, b’mod partikulari jekk tkun qed tikkuntattjana bit-telefon. Madanakollu, aħna nżommu l-impenn tagħna li nikkuntattjawk lura f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u ngħarrfuk bl-azzjonijiet li ttieħdu sabiex tissolva l-problema tiegħek.
Talba għad-danni
Jekk tħoss li wieħed mis-servizzi tagħna, operazzjonijiet jew impjegati ikkawżalek danni fil-proprjetà jew oġġetti personali, tista’ tissottometti Applikazzjoni għal Talba għad-Danni lit-tim tagħna li joffri assistenza għall-klijenti. Aħna ninvestigaw it-talba tiegħek u naraw fid-detall il-każ kollu u regolamenti oħra relatati. Jekk insibu li aħna responsabbli mid-danni li ġarrabt skont it-termini tal-leġislazzjoni applikabli, noffrulek kumpens xieraq.
Tista’ ssib iktar dettalji dwar il-proċedura tal-kumpens tagħna fil-formula ta’ applikazzjoni għal talba għad-danni:
Ma jiġux ikkunsidrati talbiet li jirriżultaw mhux raġonevoli jew mhux ġustifikati, jew talbiet li m’humiex sostenuti b’evidenza xierqa u dokumentata tad-danni mġarrba.
Bord Konsultattiv
Jekk ma tkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tagħna dwar it-talba għad-danni, dwar il-kontijiet pendenti tiegħek jew xi kwistjoni oħra relatata mas-servizzi tagħna, tista’ titlob li l-każ jerġa’ jiġi kkunsidrat minn Bord Konsultattiv independenti.
Tista’ tissottometti l-appell tiegħek lil Bord Konsultattiv billi tissottometti l-Formula ta’ Applikazzjoni Bord Konsulattaiv lit-tim tagħna li joffri assistenza għall-klijenti.
Dan il-Bord jista’ jirrevedi l-każijiet li jinvolvu talbiet għal kumpens li jammontaw sa massimu ta’ €3,500. Dan jagħtik l-opportunità li tispjega l-każ tiegħek filwaqt li jikkunsidra l-pożizzjonijiet tal-partijiet kollha involuti, inklużi Enemalta u ARMS. Fi żmien ftit ġimgħat, il-Bord ifassal rapport bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
Aħna nikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Bord u nieħdu azzjoni kif meħtieġ. Inti tirċievi wkoll kopja ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Tista’ wkoll tagħżel li tissottometti l-ilment tiegħek għal riżoluzzjoni ta’ tilwim mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija, kif specifikat fir-Regolamenti dwar il-Proċeduri għad-Determinazzjoni ta’ Kwistjonijiet (L.S.545.30).