Kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza bażiċi

L-installazzjoni tal-elettriku tiegħek teħtieġ ittestjar u manutenzjoni regolari.

Hawnhekk hawn lista ta’ kontroll ta’ malajr biex tibda:

Fejn huma s-sistemi ta’ swiċċjar u ta’ protezzjoni tiegħek?
Fejn hi l-bord tad-distribuzzjoni tas-sistema tiegħek (unità għall-konsum)? Dan il-bord jinkludi s-salvaviti li jikkontrollaw il-forniment tal-elettriku għal partijiet differenti tal-proprjetà tiegħek. Kun żgur li qatt mhu mgħotti b’oġġetti oħra. Kull salvavita għandha tkun ittikkettjata b’mod ċar mill-elettriċista tiegħek. Iffamiljarizza ruħek mat-tagħmir ta’ protezzjoni fil-bord tad-distribuzzjoni tiegħek. L-aktar waħda importanti hija s-salvavita prinċipali ta’ pole doppju (DP-MCB), li jista’ jixgħel jew jitfi l-elettriku għall-proprjetà kollha.

 It-tagħmir għal kurrent residwu (RCD) tiegħek qed jaħdem?
Is-sistema elettrika ta’ kull proprjetà għandu jkollha tagħmir għal kurrent residwu (RCD) jaħdem, li jipproteġik kontra xokk elettriku jekk aċċidentalment tmiss wajers tad-dawl bl-elettriku għaddej minnhom jew jekk ikollok apparat elettriku difettuż. Għandu jkun jinsab fil-bord tad-distribuzzjoni tiegħek ħdejn is-salvavita prinċipali. Kun żgur li għandek din il-protezzjoni fil-proprjetà tiegħek. Għandek tagħfas il-buttuna tat-test tagħha darba fix-xahar biex tikkonferma li mhix mwaħħla. L-elettriċista tiegħek għandu jittestjaha perjodikament biex jiżgura li taħdem għas-sensittività meħtieġa.

Għandek protezzjoni kontra vultaġġ żejjed u tlugħ f’daqqa tal-kurrent?

L-apparati protettivi kontra vultaġġ żejjed huma obbligatorji biex jipproteġu l-proprjetà tiegħek mill-varjazzjonijiet fil-vultaġġ. Apparat ta’ protezzjoni kontra tlugħ f’daqqa tal-kurrent huwa wkoll rakkomandat biex tipproteġi s-sistema tiegħek minn żidiet f’daqqa ta’ vultaġġ.  Jistgħu jinqalgħu każijiet ta’ vultaġġ żejjed u tlugħ f’daqqa tal-kurrent meta n-netwerks li jqassmu l-elettriku għall-proprjetà tiegħek huma affettwati minn inċidenti tat-traffiku, sajjetti, irwiefen qawwija, xogħlijiet fit-toroq, inċidenti fis-sit tal-kostruzzjoni, difetti tekniċi jew diffikultajiet oħra. Dawn id-disturbi mhux mistennija jistgħu jagħmlu ħsara lill-installazzjoni elettrika tal-proprjetà tiegħek u lill-apparati elettriċi konnessi magħha.

Għandu jiġi installat apparat protettiv kontra vultaġġ żejjed fil-bord tad-distribuzzjoni prinċipali fil-proprjetajiet kollha, ikunu kemm ikunu żgħar. L-apparati għall-protezzjoni kontra tlugħ f’daqqa tal-kurrent jistgħu wkoll jiġu installati fil-bord tad-distribuzzjoni tiegħek. Tista’ wkoll tixtri protetturi kontra tlugħ f’daqqa tal-kurrent żgħar u tinstallahom għal apparati elettriċi speċifiċi biss.

 

L-installazzjoni tiegħek hija ertjata sewwa?
Kull ċirkwit tal-elettriku u apparat elettriku (sakemm mhux tat-tip iżolat kollu tal-Klassi II) fil-proprjetà tiegħek jeħtieġ li jkollu arranġament adegwat tal-ertjar. Is-sistema tal-ertjar tiżgura li kwalunkwe kurrent perikoluż ikkawżat minn difett fis-sistema elettrika jew fl-apparat tal-elettriku tiegħek jimxi b’mod sikur lejn l-art waqt li jattiva l-RCD biex jiġu evitati r-riskji ta’ xokk elettriku, nar jew ħsarat oħra. Arranġament tal-ertjar li juża pajpijiet tal-metall tal-ilma tal-mejn mhuwiex adegwat u mhuwiex aċċettabbli. Ikollok bżonn li tibdlu ma’ sistema ta’ elettrodi tal-ert. Staqsi lill-elettriċista tiegħek biex jittestja r-reżistenza tas-sistema tal-ertjar tal-elettrodu tiegħek u aċċerta ruħek li tkun għadha effettiva. Fil-klima tagħna, jista’ jkollok bżonn ixxarrab perjodikament l-elettrodu tal-ert bl-ilma biex tiżgura li jibqa’ effettiv.

Il-plakek u s-sokits tiegħek għandhom xi ħsara?
Agħti ħarsa mill-qrib lejn is-sokits u s-swiċċijiet kollha mal-ħitan tiegħek. Iċċekkja wkoll il-kejbils u l-plakek tal-apparati elettriċi tiegħek. Xi wħud minnhom għandhom marki ta’ ħruq, xquq, brim qawwi jew ħsara oħra li tidher? Jekk tinnota xi ħsara, ieqaf milli tużahom u staqsi lill-elettriċista tiegħek biex isewwihom jew jibdilhom malajr kemm jista’ jkun.

Għandek ħafna multiplaggs u estensjonijiet?
Tqabbadx adapters b’ħafna plakek fuq adapters oħrajn jew kejbils ta’ estensjoni. Jekk għandek bżonn sokits addizzjonali għal perjodu twil ta’ żmien, qis li żżid uħud permanenti ġodda mal-installazzjoni eżistenti tiegħek. It-tagħbija żejda tas-sokits eżistenti b’adapters b’ħafna plakek u kejbils ta’ estensjoni żżid ir-riskju ta’ sħana żejda, li tista’ tqabbad in-nar. Ibdel il-kejbils ta’ estensjoni bil-ħsara immedjatament.

Ittestjar perjodiku
Staqsi lill-elettriċista tiegħek biex jispezzjona u jittestja l-installazzjoni tiegħek. L-elettriċista tiegħek għandu jipprovdi ċertifikat tat-test wara kull spezzjoni u ttestjar. Hu rakkomandat li din il-proċedura titwettaq regolarment. L-elettriċista tiegħek jista’ jindika kemm is-sistema tiegħek trid tiġi ttestjata ta’ spiss, skont l-installazzjoni partikolari.

Elettriċista awtorizzat
Kun żgur li tqabbad elettriċisti jew inġiniera elettriċi li huma debitament awtorizzati biex iwettqu xogħol elettriku fuq l-istallazzjoni tiegħek.