Enemalta tinvestiga rapporti ta’ frodi
27.07.2017
Wara li rċeviet talba għall-għajnuna minn għadd żgħir ta’ klijenti, Enemalta plc għenet lill-Pulizija f’investigazzjoni ta’ allegat miżapproprijazzjoni ta’ flus tal-klijenti minn terzi persuni.
Il-Kumpanija ħadet azzjoni immedjata hekk kif ġiet infurmata li persuna mhux awtorizzata kienet qed tiffroda l-klijenti billi titlobhom flus bħala ħlas tal-kontijiet tal-elettriku u l-ilma. Id-dettalji tal-persuna involuta u t-tagħrif kollu li kisbet Enemalta ġew mgħoddija lill-Pulizija għal aktar stħarriġ. Il-persuna allegatament involuta f’dan il-każ, li tressqet il-Qorti llum, mhijiex impjegata ta’ Enemalta plc, tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jew tal-kumpanija sussidjarja tagħha Automated Revenue Managament Services (ARMS) Ltd.
Kien ukoll allegat li din l-istess persuna kienet qed toffri apparat li seta’ jaffettwa l-qari tal-meters tal-elettriku. Din l-allegazzjoni ġiet investigata u nstab li ma kinitx minnha.
Enemalta plc u ARMS Ltd iħeġġu l-klijenti jħallsu l-kontijiet tal-elettriku u tal-ilma tagħhom biss permezz tal-metodi spjegati fit-tagħrif li jingħata ma’ kull kont li jirċievu. Klijenti li għandhom xi dettalji dwar dan il-każ jew dwar xi irregolarità oħra li tista’ tkun marbuta mas-servizzi ta’ Enemalta huma mħeġġa jikkuntattjaw lit-tim ta’ għajnuna lill-klijenti tal-Kumpanija fuq 8000 2224 jew [email protected], jew jgħaddu t-tagħrif b’mod anonimu permezz tas-sit www.enemalta.com.mt.
Enemalta plc tixtieq tirringrazzja lill-Pulizija għall-kollaborazzjoni u l-appoġġ kontinwu waqt dan l-istħarriġ.