L-Investimenti fis-sistema tad-distribuzzjoni taw l-ewwel riżultati

13.09.2022

Fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, l-Enemalta nvestiet aktar minn 11-il miljun mill-15-il-miljun ewro allokati din is-sena għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Waqt li mxiet mal-pjan u f’ċerti oqsma qabżet il-miri stabbiliti għal din is-sena, rat ukoll l-ewwel riżultati ta’ dan l-investiment bi tnaqqis ta’ 34 fil-mija ta’ qtugħ tad-dawl li kien hemm das-sajf meta mqabbel mas-sajf tas-sena l-oħra.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mil-Kap Eźekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona li żied jgħid li jonqos ħafna iżjed xi jsir biex jitwettaq il-pjan ta’ €90 miljun ewro fuq medda ta’ sitt snin.

Huwa ta’ sodisfazzjon u grazzi għal determinazzjoni tal-ħaddiema tagħna li l-miri tal-pjan għal din is-sena diġà inqabżu. Ir-riżultati bdew jidhru għaliex bejn Ġunju sal-bidu ta’ Settembru kellna tnaqqis ta’ 34 fil-mija fil-qtugħ tad-dawl fuq is-sistema ta’ vultaġġ medju. L-impenn tagħna huwa li nagħtu servizz dejjem aħjar bi provvista aktar stabbli lil klijenti tagħna, sew familji kif ukoll negozji.”

Iċ-Chairman tal-Enemalta l-Inġ. Ryan Fava qal li  bix-xogħol li sar u bir-riżultati li nkisbu, tjieb is-servizz lill-klijenti u l-Enemalta hija mpenjata bis-sħiħ biex tissokta b’dan il-pjan ta’ tisħiħ fl-interess kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-ekonomija tal-pajjiż.

L-Inġ.  Fava semma li din is-sena r-rekords tad-domanda inqabżu aktar minn darba. L-għola domanda għall-elettriku matul il-ġurnata  kienet fis-7 ta’ Lulju meta d-domanda kienet ta’ 581 megawatts. Kellna mbagħad rekord ieħor fis-17 t’Awissu meta d-domanda filgħaxija laħqet 542 megawatts. Dan ifisser żieda ta’ 2.8  u 5.6 fil-mija rispettivament fuq id-domanda rekord tas-sena l-oħra.

Id-Direttur Eżekuttiv għall-Proġetti u Distribuzzjoni, l-Inġinier Steve Farrugia ta’ rendikont dettaljat tad-diversi interventi li saru fl-aħħar tmien xhur. Semma kif saru upgrades fit-tliet ċentri tad-distribuzzjoni f’Ħal Tarxien, Marsascala u l-Imrieħel.

L-Inġinier Farrugia qal li saru 29 mill-40 substation ippjanati għal din sena f’diversi lokalitajiet. Spjega l-importanza tagħhom fis-sistema tad-distribuzzjoni kemm għall-klijenti eżistenti kif ukoll għall-klijenti futuri biex ilaħħqu mad-domanda li dejjem qed tiżdied.

Dan huwa network ħaj li kontinwament qed jikber anke minħabba l-iżvilupp ekonomiku u soċjali li jkun qed iseħħ fil-pajjiż. Għalhekk huwa essenzjali li din is-sistema jkollha manutenzjoni u msaħħa kontinwament għaliex jekk le, l-infrastruttura tal-elettriku taqa’ lura, u jiżdiedu d-diffikultajiet għall-klijenti tagħna.”

L-Inġinier Farrugia qal li bil-programm tax-xogħlijiet li sar inbiddel is-switchgear u transformers fi 12-il substation biex kibret il-kapaċità tagħhom kif ukoll biex ikunu attrezzati b’tagħmir modern li jippermetti remote switching ħalli f’każ ta’ ħsarat il-provvista tal-elettriku tkun tista’ tingħata f’inqas ħin mill-control room tal-Enemalta saħansitra qabel imorru t-tekniċi biex jagħmlu t-tiswijiet.

It-tekniċi tagħna kontinwament qed jistudjaw in-network u joħorġu bi pjan għat-tisħiħ tan-network spjega l-Inġ. Farrugia. Qal li dan jitlob interventi varji fosthom tqiegħed ta’ cables taħt l-art u bdil ta’ linji f’toroq residenzjali fejn diġà saru xogħlijiet b’aktar minn 150 triq. Żied jgħid li ġew installati f’diversi inħawi  aktar minn 25 LVR li huwa apparat li jistabilizza l-vultaġġ meta jiżviluppaw varjazzjonijiet fih. 

X’sar s’issa mill-pjan ta’ tisiħiħ tas-sistema ta’ distribizzjoni tal-elettriku?
Tkabbir fiċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni ta’ Ħal Tarxien, Imrieħel u Marsascala
7 medium voltage reinforcements li jaffettwaw għadd ta’ lokalitajiet
29 substation ġdida madwar Malta u Għawdex
Upgrades differenti f’52 substation eżistenti
45 low voltage feeder ġdid minn għadd ta’ substations f’diversi lokalitajiet
25 line voltage regulator mifruxin f’lokalitajiet differenti
150 triq b’linji ġodda f’lokalitajiet varji