Enemalta twieġeb rapporti mhux preċiżi; tiċċara li qed tieħu l-passi legali kollha biex kumpanija involuta fi trading tal-EUAs tonora l-obbligi tagħha

Enemalta tikkjarifika rapport fil-midja li jirrigwarda każ li nqala’ minn tranżazzjoni kummerċjali ma’ intermedjarju finanzjarju li jopera fis-swieq tal-enerġija u tal-karbonju. Enemalta twissi kontra kwalunkwe konsegwenzi mhux iġġustifikati li jistgħu jirriżultaw minn rapportar żbaljat.

Permezz tal-avukati tagħha f’Malta, fir-Renju Unit u fl-Isvizzera, Enemalta qed tieħu l-passi legali kollha neċessarji biex tipproteġi l-interessi tagħha. Din hija tranżazzjoni kummerċjali li għadha għaddejja, u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet legali dwarha.

L-avveniment jirrigwarda attivitajiet ta’ kummerċ imwettqa minn Enemalta bħala parti mill-operat regolari tagħha. Din it-tranżazzjoni partikolari tinvolvi EUAs, jiġifieri krediti tal-karbonju. Tranżazzjonijiet bħal dawn, bħal ħafna oħrajn, dejjem mxew bla inċidenti. Dan il-kummerċ iseħħ taħt Ftehim Prinċipali żviluppat mill-International Emissions Trading Association (IETA), li huwa prattika rikonoxxuta internazzjonalment.

F’dan il-każ partikolari, il-bord tad-diretturi ta’ Enemalta ġie informat li minn 11-il tranżazzjoni ta’ EUA mwettqa mal-istess kumpanija, tlieta ma twettqux fi żmien il-limiti stipulati. Enemalta bħalissa qed tfittex rimedju legali kontra l-kumpanija barranija sabiex jiġu onorati l-obbligi kollha dovuti.

Biex tiżgura li jiġu salvagwardati l-interessi tagħha u rkuprati l-fondi kollha dovuti, Enemalta ħatret konsulenti legali kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Kumpanija legali rinomata bbażata f’Londra ġiet inkarigata biex timmaniġġja b’mod effikaċi s-sitwazzjoni, filwaqt li, minħabba li l-parti l-oħra tinsab fl-Isvizzera, ġiet ukoll maħtura kumpanija legali Żvizzera.

F’dan l-istadju, Enemalta ma tistax tiżvela aktar dettalji sabiex tipproteġi l-pożizzjoni legali u ċivili tagħha. Madankollu, Enemalta tiżgura li qed tikkunsidra kull triq legali u rimedjali possibbli.

Enemalta se tkompli bl-implimentazzjoni tal-programm ta’ investiment sostanzjali tagħha, bil-għan li tissaħħaħ in-netwerk tad-distribuzzjoni, jiġu msaħħa ċ-ċentri eżistenti u jinħolqu oħrajn ġodda, filwaqt li jinżammu tariffi stabbli għall-konsumaturi.