Stqarrija konġunta mill-Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta 60 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art

19.12.2024

Tkompla x-xogħol biex jiżdiedu 60 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art, permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta.

Dawn il-medium voltage cables ġodda ser ikomplu jsaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni f’21 lokalità differenti f’Malta u Għawdex.

Waqt laqgħa mal-ġurnalisti, l-entitajiet spjegaw ix-xogħlijiet li għaddejjin biex bħal ma sar matul din l-aħħar sena, tkompli tissaħħaħ s-sistema tad-distribuzzjoni.

“Fl-aħħar sena, Enemalta kompliet taħdem fuq it-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku fuq livelli differenti. Fl-ewwel ħames xhur tas-sena b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta rnexxielna npoġġu iktar minn 82 kilometri ta’ cables ġodda taħt l-art.”, qal iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġ Ryan Fava.

Flimkien mat-tkomplija tal-pjan ta’ sitt snin ta’ rinfurzar fis-sistema ta’ distribuzzjoni, dawn il-konnessjonijiet ser ikomplu jsaħħu r-reżiljenza u l-flessibilità tan-network, billi jipprovdu lil Enemalta b’aktar konnessjonijiet alternattivi li jgħinu biex tingħata lura l-provvista f’inqas ħin, f’kas li tiżviluppa xi ħsara.

Matul din is-sena Enemalta kkummissjonat 54 substation ġdida, u għamlet xogħol ta’ tisħiħ f’76 substation oħra. Dan it-tisħiħ qabeż sew l-miri li Enemalta kellha għal din is-sena, fejn kien previst li jiġu kkummissjonati 45 substation ġdida.

S’issa, 166 feeder ġodda ta’ vultaġġ baxx ġew konnessi man-network f’diversi lokalitajiet. Inbidlu wkoll 47km ta’ linji 400V/230V fit-toroq tagħna biex inkomplu nimmodernizzaw in-network tad-distribuzzjoni. Dawn jipprovdu aktar konnessjonijiet alternattivi u jżidu r-reżiljenza tan-network f’każ ta’ interruzzjonijiet fil-provvista.

Matul is-sena li ġejja Enemalta ser tkun qiegħda tibda x-xogħlijiet fuq żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda. Wieħed fin-Naxxar u ieħor fis-Siġġiewi. Ser jkun qiegħed jibda x-xogħol ukoll fuq tkabbir ta’ ċentri tad-distribuzzjoni f’Pembroke u l-Imsida.

Enemalta għaddejja wkoll b’xogħlijiet ta’ preparazzjoni għat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija. Ser jibdew ix-xogħlijiet biex tiżdied link ta’ 132 kilovolt bejn il-Magħtab u ċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġewwa l-Mosta kif ukoll għaddejja l-estensjoni fuq ‘switchgear’ f’wieħed miċ-ċentri tad-distribuzzjoni fil-Marsa bi preparazzjoni għal ‘battery storage facility’ li ser tkun ikkummissjonata minn Interconnect Malta.

“Ser inkomplu naħdmu biex bħal m’għamilna fix-xhur li għaddew, nkomplu nsaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni fix-xhur li ġejjin u nippreparaw n-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku għall-futur. Dan ser nagħmluh billi ser inkunu qiegħdin inpoġġu 60 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet. Permezz ta’ dawn il-cables ġodda qiegħdin inżidu r-reżiljenza u l-flessibilità fin-network tagħna f’każ li tinqala xi ħsara, b’hekk l-provvista tkun tista’ tingħata fl-inqas ħin possibbli. Filwaqt li nirringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti f’dawn ix-xogħlijiet, nirringrazzja wkoll lir-residenti f’dawn il-lokalitajiet tal-kooperazzjoni tagħhom f’dan il-perjodu.”, kompla jgħid l-Inġ. Ryan Fava.

“Infrastructure Malta qed timplimenta dawn il-proġetti waqt li tenfasiżża fuq is-sinerġija bejn l-entitajiet kollha involuti. Dan sabiex niżguraw koordinazzjoni effettiva għal dan il-pjan ta’ ħidma. Għalina huwa mportanti ħafna li, bħal kull inizjattiva ta’ din l-iskala, ix-xogħol isir bl-inqas inkonvenjent possibbli għar-residenti u n-negozji tal-madwar. Għalhekk, iktar minn qatt qabel, se nibqgħu viċin tal-komunita’ u nagħtu widen għal dak li hemm bżonn isir biex nibqgħu naħdmu bl-aħjar mod possibbli”. qal il-kap eżekuttiv Steve Ellul.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, is-Sur Kurt Farrugia, qal: “Il-kollaborazzjoni ta’ suċċess bejn Enemalta, Infrastructure Malta, u Transport Malta waqt ix-xogħlijiet tas-sena li għaddiet hija prova ċara ta’ dak li nistgħu niksbu meta ningħaqdu flimkien għall-benefiċċju tal-komunitajiet tagħna. L-Awtorità se tkompli taħdem fil-qrib mal-lokalitajiet tagħna biex tassigura li l-ħtiġijiet tar-residenti jibqgħu prijorità assoluta, filwaqt li tiżgura sigurtà fit-toroq u kontroll effettiv tal-fluss tat-traffiku matul ix-xogħlijiet li ġejjin.”

Ix-xogħol se jsir fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Birkirkara, Birżebbuġia, Buġibba, Qawra, Fgura, Ħal Għaxaq, Ġżira, Ħamrun, Imsida, Mellieħa, San Ġwann, Tas-Sliema, San Ġiljan, Ta’ Xbiex, Ħal Tarxien, Ħaż-Żebbuġ, Żejtun u Marsaxlokk, kif ukoll Victoria, Kerċen u Għarb ġewwa Għawdex.