Bħala l-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-pajjiż, aħna impenjati lejn investiment kontinwu fit-tisħiħ u l-espansjoni tas-sistema tad-distribuzzjoni li twassal l-elettriku lill-klijenti tagħna kollha f’Malta u Għawdex.
Għaliex għandna bżonn dan l-investiment?
In-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku tagħna jrid ikun attrezzat biex jaqdi kostantement il-ħtiġijiet tal-klijenti kollha tagħna f’Malta u Għawdex, kuljum. L-inġiniera li jieħdu ħsieb in-netwerk tagħna qegħdin kontinwament jaddattaw u jaġġornaw is-sistema sabiex tissodisfa l-esiġenzi enerġetiċi li qegħdin jinbidlu tal-klijenti ġodda u eżistenti tagħna. L-iżviluppi ġodda fil-bini u l-investimenti kummerċjali jibdlu d-domanda għall-elettriku fiż-żona fejn ikunu jinstabu, u jkunu meħtieġa estensjonijiet u t-tisħiħ tal-infrastruttura tan-netwerk eżistenti.
Fl-istess ħin, il-kejbils ta’ taħt l-art, il-wajers tal-elettriku, it-transformers, l-iswitchgear u apparat ieħor ta’ protezzjoni u kontroll tan-netwerk, iridu jiġu aġġornati b’mod regolari b’teknoloġiji ġodda, sabiex jiżdiedu s-sigurtà, l-affidabbiltà u l-effiċjenza. It-teknoloġiji ġodda jgħinuna wkoll sabiex innaqqsu l-impatt ambjentali negattiv tas-servizzi tagħna, filwaqt li nżommu l-livelli baxxi ta’ telf tekniku u mhux tekniku tal-Kumpanija tagħna.