Tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni f’Marsaxlokk fil-jiem li ġejjin

26.01.2018

Bħala parti mill-proġett ta’ €8 miljun għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li tħabbar fil-jiem li għaddew, Enemalta plc għaddejja bit-tqegħid ta’ cables ta’ vultaġġ għoli matul partijiet minn Triq l-Arżnell, Marsaxlokk.

Waqt dawn ix-xogħlijiet ta’ tħaffir ta’ trinek, tqegħid ta’ cables u kisi mill-ġdid ta’ wiċċ din it-triq, l-aċċess għall-vetturi se jkun miftuħ għar-residenti tal-inħawi biss. Sewwieqa li jgħaddu minn Xatt is-Sajjieda sabiex joħorġu minn Marsaxlokk lejn il-Belt Valletta jistgħu jevitaw Triq l-Arżnell billi jsegwu s-sinjali lejn rotot alternattivi mill-Qajjenza jew minn Triq il-Kavallerizza. Nhar il-Ħadd, hekk kif ix-xogħlijiet ikomplu għaddejjin, uffiċċjali ta’ Transport Malta ser ikunu fuq il-post sabiex jgħinu lis-sewwieqa u r-residenti.

Permezz tal-proġett, Enemalta plc qed iżżid 30 kilometru ta’ cables ta’ 33 kV u 11-il kV minn Delimara sa Ħal Far, sabiex issaħħaħ il-kapaċità u l-affidabilità tas-sistema li twassal l-elettriku lill-klijenti f’Marsaxlokk, Birżebbuġa, Ħal Far u l-inħawi. Fl-istess waqt qed tirdoppja l-kapaċità taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ Ħal Far permezz ta’ aktar switchgear panels u transformer ġdid. B’hekk ser tilqa’ għaż-żieda fid-domanda għall-elettriku fiż-żoni industrijali u residenzjali tal-inħawi.

Il-Kumpanija qed taħdem ukoll ma’ Transport Malta u mal-kunsilli lokali rispettivi ħalli tagħti kisja ġdida matul il-wisa’ tat-toroq kollha fejn qed isir ix-xogħol, u mhux biss fil-partijiet li qed jitħaffru. F’ċertu nħawi, il-kuntratturi ta’ Enemalta qed jibnu mill-ġdid il-pedamenti ta’ partijiet minn dawn it-toroq, peress li ma kienux saru tajjeb fil-passat.

Filwaqt li tirringrazzja lill-pubbliku għall-koperazzjoni f’din f’din il-ħidma estensiva, Enemalta plc jiddispjaċiha għal kull inkonvenjent.