Enemalta bi ftehim ġdid għall-provvista tal-LNG
Enemalta kkonkludiet b’suċċess ftehim ġdid għall-provvista tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG) ma’ BP, li se jiżgura l-provvista tal-LNG sal-aħħar ta’ Mejju 2027.
Il-ftehim ingħalaq proċess kompetittiv li ġibed interess minn seba’ kumpaniji internazzjonali stabbiliti. Wara evalwazzjoni kummerċjali u teknika dettaljata minn Enemalta, intgħażlet l-offerta li tat l-aħjar valur u sigurtà fil-provvista tal-LNG għal Malta. Dan il-ftehim jifforma parti mill-istrateġija fit-tul tal-Gvern biex jiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija elettrika għal familji u negozji f’Malta.
Minn meta l-Power Station ta’ Delimara ġiet konvertita għall-gass naturali, Malta tbiegħdet mill-użu tal-heavy fuel oil, u b’hekk tnaqqas drastikament it-tniġġis fl-arja filwaqt li tjiebet l-effiċjenza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Din it-tranżizzjoni tibqa’ wieħed mill-aktar tragwardi importanti fis-settur tal-enerġija tal-pajjiż.
Filwaqt li l-prezzijiet globali tal-LNG għadhom qed jiġu affettwati minn tensjonijiet ġeopolitiċi u kunflitti, it-tbassir tas-suq jindika li l-kundizzjonijiet tal-prezzijiet mistennija jsiru aktar stabbli fix-xhur li ġejjin. Permezz ta’ dan il-ftehim,Enemalta qed issaħħaħ il-kapaċità tagħha li timmaniġġja r-riskji tas-suq u tiżgura l-kontinwità tal-provvista matul perjodu ta’ inċertezza internazzjonali kontinwa.
Il-ftehim għall-provvista tal-LNG huwa marbut mal-indiċi Title Transfer Facility (TTF), il-punt ta’ riferiment ewlieni Ewropew għall-ipprezzar tal-gass naturali. Bl-użu ta’ referenza tal-prezzijiet trasparenti u rikonoxxuta internazzjonalment, il-ftehim iżomm l-ispejjeż tal-akkwist tal-LNG allinjati mal-kundizzjonijiet attwali tas-suq. Dan jipprovdi mekkaniżmu ċar ta’ prezzijiet u, fl-istess waqt, jippermetti lil Enemalta tibbenefika minn stabbiltà akbar fis-suq Ewropew tal-gass u minn prezzijiet aktar baxxi. B’dan il-mod, il-kumpanija tkompli ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex timmaniġġja l-ispejjeż tal-enerġija u tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista.
Filwaqt li dan il-ftehim jiżgura l-provvista tal-LNG sal-aħħar ta’ Mejju 2027,Enemalta diġà qed taħdem b’mod parallel fuq arranġamenti li se jiżguraw il-kontinwità tal-provvista lil hinn mill-perjodu kopert minn dan il-kuntratt.
Il-kumpanija qed issegwi mill-qrib l-iżviluppi fis-swieq internazzjonali tal-enerġija biex tidentifika l-aktar opportunitajiet vantaġġużi għall-akkwist. Dan jirrifletti l-impenn ta’ Enemalta lejn ippjanar fit-tul.
Dan il-ftehim jikkumplimenta programm usa’ ta’ investiment ta’ Enemalta mmirat lejn it-tisħiħ tal-infrastruttura tal-enerġija ta’ Malta.
F’dawn l-aħħar snin,il-kumpanija investiet b’mod sostanzjali fil-modernizzazzjoni u l-espansjoni tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku permezz ta’ substations ġodda, sistemi ta’ cables taħt l-art u proġetti ta’ tisħiħ tal-grid. Dawn l-investimenti tejbu r-reżiljenza u l-flessibbiltà tan-network filwaqt li appoġġjaw id-domanda dejjem tikber għall-elettriku.
B’ħarsa ’l quddiem, Enemalta qed tkompli timplimenta l-pjan ambizzjuż tagħha ta’ investiment fuq disa’ snin, iffukat fuq aktar tisħiħ u modernizzazzjoni tas-sistema tad-distribuzzjoni ta’ Malta. Il-pjan jinkludi investiment sostanzjali f’infrastruttura ġdida, ċentri tad-distribuzzjoni, titjib fin-network u teknoloġiji li se jżidu l-kapaċità, itejbu l-affidabbiltà u jappoġġjaw it-tranżizzjoni kontinwa tal-enerġija ta’ Malta. Flimkien mal-iżgurar ta’ provvisti tal-fjuwil fit-tul, dawn l-investimenti jiffurmaw parti minn strateġija komprensiva biex jiġi żgurat li s-sistema tal-enerġija ta’ Malta tibqa’ sigura, reżiljenti u mħejjija għall-isfidi tal-ġejjieni.
Enemalta tibqa’ impenjata li tipprovdi enerġija sigura u affidabbli filwaqt li tkompli twettaq investimenti li jsaħħu l-infrastruttura tal-enerġija tal-pajjiż u jipprovdu benefiċċji fit-tul għall-konsumaturi u n-negozji.