It-tiswijiet fl-Interconnector se jibdew fil-jiem li ġejjin

14.02.2020

Nhar it-23 ta’ Diċembru, 2019, l-Interconnector ta’ bejn Malta u Sqallija sofra ħsarat estensivi li rriżultaw fi qtugħ fil-provvista tal-elettriku madwar il-pajjiż kollu. L-Interconnector huwa element importanti fl-energy mix biex jiżgura s-sigurtà tal-provvista u l-produzzjoni ekonomika tal-elettriku. Fid-dawl ta’ dawn il-ħsarat, bħala azzjoni immedjata, Enemalta plc għamlet l-arranġamenti kollha neċessarji għat-tiswijiet meħtieġa, inizjalment billi kkummissjonat stħarriġ biex tistabbilixxi l-gravita’ tad-danni li twettqu, fl-istess waqt li aċċertat l-affidabbiltà tal-provvista billi żammet, f’kull ħin, riserva sostanzjali ta’ ġenerazzjoni fl-impjanti ta’ enerġija.
Nexans Norway, il-manifattur tal-Interconnector, ġie kkummissjonat biex iwettaq l-istħarriġ fuq il-cable biex jistabbilixxi l-post u l-gravita’ tal-ħsara, kif ukoll biex jifformula l-pjan ta’ azzjoni li għandu jitwettaq biex jissewwa l- cable. Il-vapur MV Polar King ġie kkummissjonat biex iwettaq l-istħarriġ u jiddetermina n-natura tat-tiswija, anki fid-dawl li ġie kkunsidrat d-daqs tal- cable innifsu u l-fond li fih seħħet il-ħsara.

Il-filmat miġbud waqt l-istħarriġ ipprovda evidenza konkreta li kienet ankra ta’ vapur li kkaġunat l-ħsara fil-cable. Il-bastiment li huwa maħsub li kkawża l-ħsara ġie identifikat, u ttieħedet l-azzjoni meħtieġa skont il-liġi permezz tal-polza tal-assigurazzjoni.

Matul din il-ġimgħa ġie iffinalizzat il-kuntratt ma’ Nexans Norway u b’hekk seta’ jingħata bidu għal proċess ta’ tiswija billi ġew mobilizzati l-assi kollha meħtieġa fl-istess waqt li Nexans ċċertifikat it-tagħmir u l-ispare parts kollha neċessarji.

Il-bastimenti tat-tiswija se jirmiġġaw f’Malta llum biex jibdew it-tagħbija ta’ materjali u tagħmir provduti minn Nexans u Enemalta rispettivament, filwaqt li nhar il-Ħadd tibda operazzjoni biex jinkixef il- cable. Il- cable se jittella’ fuq il-bastiment tat-tiswija, fejn se tinqata’ il-parti li sofriet il-ħsara, biex eventwalment, wara li l-cable jiġi magħqud mal-kumplament, jitpoġġa lura f’qiegħ il-baħar. L-istess proċedura għandha tiġi ripetuta bit-tarf l-ieħor tal-cable maqtugħ.

Il-proċess ta’ ittestjar tal- cable imsewwi huwa mistenni li jitwettaq sat-tielet ġimgħa ta’ Marzu, biex sussegwentement, l-Interconnector ta’ bejn Malta u Sqallija għandu jkun disponibbli bħala element importanti fl-energy mix ta’ pajjiżna. Matul l-erba’ ġimgħat sussegwenti, se jkun żgurat li l- cable jiġi protett kif meħtieġ permezz ta’ bastimenti tal-għassa li se jissorveljaw din il-proċedura. Id-dati kollha indikati huma suġġetti għal kundizzjonijiet favorevoli tat-temp. 

Fl-aħħarnett, il-cable jiġi mgħotti f’qiegħ il-baħar fl-istess waqt l-assi navali kkummissjonati jiġu immobilizzati. L-ispiża tat-tiswija hija stmata għal €11-il miljun.