95 sena ilu d-dawl wasal f’Għawdex

01.08.2021

L-1 ta’ Awwissu tal-1926 tibqa ġurnata storika għal Għawdex għaliex dakinhar 95 sena ilu, fi Triq Sant Domenika fir-Rabat Għawdex ġiet inawgurata l-magna tad-dawl kif kienet magħrufa mal-Għawdxin l-ewwel impjant tal-elettriku li sar f’Għawdex.

Dan il-proġett beda fl-1925 u kien sewa 3516 lira, ekwivalenti għal ftit inqas minn 8200 ewro. L-ewwel impjant tad-dawl f’Għawdex kellu żewġ magni li jaħdmu biż-żejt u alternators li kienu ta’ 44 kW-il waħda.

Bħal ma spiss jiġri f’okkażjonijiet  bħal dawn, din l-innovazzjoni intlaqgħet b’xettiżmu għalkemm din l-attitudni malajr inbidlet meta n-nies tar-Rabat Għawdex, kważi ta’ seklu ilu, fehmu d-differenza li d-dawl beda jagħmel f’ħajjithom anke jekk sa dak iż-żmien kien għadu limitat ħafna.

Fil-fatt kienu biss ftit residenti tar-Rabat Għawdex li kellhom il-privileġġ tas-servizz tad-dawl. Mir-riċerka li saret jirrizulta li fl-ewwel sena mindu ġiet inawgurata l-magna tad-dawl, kienu ngħataw biss 133 servizz tal-provvista tad-dawl.