L-Enemalta bi briefing tekniku għall-ġurnalisti

06.08.2021

Għat tieni darba konsekuttiva fl-istess ġimgħa, id-domanda għall-elettriku reġgħet kisret ir-rekord wara li matul il-jum tal-Ħamis laħqet 565MW. Dan spjegah il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Jason Vella waqt briefing tekniku għall-ġurnalisti fejn qal li d-domanda għall-elettriku qabeż il-livell tad-domanda tal-2019.

Fl-2019, f’sena qabel il-pandemija, l-ogħla domanda kienet telgħet għal 510MW.

L-Inġ Vella qal li dan jikkonferma kif bl-investimenti li saru, l-Enemalta għandha biżżejjed kapaċità biex tlaħħaq mad-domanda permezz tal-energy mix mit-tlett sorsi li minnhom l-Enemalta tixtri l-elettriku.

Barra minn hekk, fl-aħħar seba’ snin, l-Enemalta investiet €130 miljun fis-sistema ta’ distribuzzjoni bħala parti mill-programm ta’ azzjoni tagħha biex issaħħah s-sistema. Madankollu, l-Inġ Vella ħabbar kif l-Enemalta se tkun qed taċċelera l-programm ta’ azzjoni tagħha fl-investiment u l-manutenzjoni tas-sistema tad-distribuzzjoni.

Dwar il-qtugħ fil-provvista li kien hemm f’partijiet differenti tal-lokalitajiet, inkluż f’Marsaskala u l-Mosta, l-Inġ Vella spjega li l-ħsarat fis-sistema tad-distribuzzjoni żviluppaw minħabba s-sħana qawwija fuq l-infrastruttura, flimkien maż-żieda fid-domanda.

Huwa spjega kif kienu primarjament partijiet minn Marsaskala u l-Mosta li kellhom interruzzjoni fit-tul tal-provvista tal-elettriku minħabba iktar minn ħsara waħda f’cables ta’ taħt l-art.

L-Inġ Vella rringrazzja lill-Inġiniera u t-tekniċi tal-Enemalta għall-ħidma bla waqfien tagħhom. Qal li l-Enemalta kellha mal-180 ħaddiem fuq diversi xiftijiet biex il-kumpanija tkun tista’ tirrispondi b’mod immedjat. Il-ħidma tal-Enemalta inkludiet miżuri ta’ mitigazzjoni biex tnaqqas kemm tista’ l-inkonvenjent fosthom bl-użu ta’ generators fejn kien meħtieġ u possibbli.

Fil-parti l-kbira, interruzzjonijiet oħra li kien hemm ġew indirizzati malajr bis-saħħa ta’ investimenti li l-Enemalta għamlet fl-aħħar tlett snin. Kważi 400 substation tal-Enemalta ġew awtomizzati biex meta jkun hemm ħsara b’xi waħda minnhom, mill-control room fil-Marsa, l-provvista tkun tista’ tingħata lura minn cable alternattiv.

L-Inġ Vella qal li b’din it-teknoloġija ħafna mil-klijenti li kellhom qtugħ ta’ dawl ingħataw lura l-provvista fi ftit minuti u f’aktar minn 70% tal-każi f’inqas minn siegħa.

L-Enemalta spjegat kif il-qtugħ tal-provvista minħabba ħsarat fis-sistema tad-distribuzzjoni din is-sena kienu ferm inqas milli kienu sa ftit snin. Dan japplika wkoll għat-tnaqqas fil-ħin tal-interruzzjonijiet.

L-Inġ Vella saħaq kif ir-riżultat tal-investiment li għamlet l-Enemalta fis-sistema ta’ distribuzzjoni fiċ-ċentri ġodda ta’ distribuzzjoni, fosthom ta’ Paceville, St Andrews, Manoel Island u x-Xewkija huwa evidenti.

Kull sena, l-Enemalta tinvesti f’medja ta’ 40 substation ġdida filwaqt li bħalissa għaddejjin proġetti fuq 50 substation ġdida. Dan kollu u aktar jwassal biex tissaħħah is-sistema u jagħtu stabbiltà akbar lis-sistema tal-elettriku għal konsumaturi.