L-Enemalta tikkummissjona l-impjant ta’ ġenerazzjoni temporanju t’emerġenza

21.08.2024

L-Enemalta ikkummissjonat l-impjant ta’ ġenerazzjoni temporanju li se jitħaddem f’każijiet ta’ emerġenza jekk tinqala ħsara f’wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ ġenerazzjoni, matul perjodi fejn id-domanda tkun l-aktar għolja. L-Enemalta tenfasizza li dan l-impjant huwa sors temporanju, kapaċi jiġġenera 60MW u qiegħed hemm biex jiżgura provvista mingħajr interruzzjoni f’każ li wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ ġenerazzjoni ikollu ħsara.

L-Enemalta topera bil-prinċipju N-1, biex tiżgura li s-sistemi tal-enerġija jkunu kapaċi jservu d-domanda, inkluż matul is-sigħat ta’ domanda għolja, inkluż f’każ fejn l-akbar sors ta’ ġenerazzjoni ma jkunx disponibbli.

“Sar ħafna xogħol biex dan l-impjant ikun jista’ jiġi kkummisjonat. Issa, f’każ li l-Enemalta titlef wieħed mis-sorsi ta’ ġenerazzjoni temporanjament, dan l-impjant se jkun jista’ jtaffi mit-telf fil-kapaċità ta’ ġenerazzjoni,” qal Ing. Ryan Fava, Chairman Eżekuttiva tal-Enemalta.

Wara sejħa pubblika għall-offerti, dan l-impjant qed jinkera mingħand UNEC Ltd u se jkun mikri sakemm jitlesta t-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija.
L-Ing. Fava spjega li Enemalta kienet qed taħdem fuq tisħiħ tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-elettriku, sabiex tkompli ssaħħaħ l-infrastruttura tal-enerġija.

Matul din is-sena biss, l-Enemalta qed tinvesti mal-€55 miljun biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku tagħha. L-Enemalta qed taħdem ukoll fuq pjan biex tissaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-gżejjer Maltin.

Fi żmien sitt xhur biss, l-Enemalta poġġiet aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ medju, li żied ir-reżiljenza u l-flessibilità tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħha fl-inħawi li sar ix-xogħol.

Enemalta ikkummissjonat ukoll 32 substations ġodda, sar it-tisħiħ ta’ 36 substations eżistenti, wettqet 22 switchgear upgrade, u installat 98 feeders ġodda ta’ vultaġġ baxx. Dawn l-investimenti se jkomplu fix-xhur li ġejjin hekk kif l-Enemalta qed tippjana li ssaħħaħ in-netwerk ta’ distribuzzjoni f’partijiet oħra ta’ Malta, inkluż Għawdex.