Enemalta plc taħtar Uffiċjal Kap Eżekuttiv ġdid

20.01.2018

Il-Bord tad-Diretturi ta’ Enemalta plc ħabbar il-ħatra ta’ Inġ. Jason Vella fil-kariga ta’ Uffiċjal Kap Eżekuttiv ġdid tal-Kumpanija, mill-1 ta’ Jannar 2018.

Inġ. Vella ser imexxi l-Bord Maniġerjali fl-amministrazzjoni tas-servizzi u l-operat tal-Kumpanija u fil-ħidma sabiex jintlaħqu l-miri strateġiċi stipulati mill-Bord tad-Diretturi. Ser ikun ukoll qed jappoġġja lill-Inġ. Fredrick Azzopardi, Ċermen ta’ Enemalta plc, li ser ikompli jidderieġi l-Bord tad-Diretturi waqt li jiżgura s-sostenibilità finanzjarja tal-Kumpanija permezz ta’ aktar effiċjenza, servizzi aħjar lill-klijenti u l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ġodda ta’ diversifikazzjoni.

Inġ. Vella ngħaqad ma’ Enemalta plc fl-2017 sabiex imexxi d-Dipartiment Business Strategy and Commercial, li twaqqaf f’dawn l-aħħar l-aħħar snin. F’dan l-irwol, ikkordina t-twettiq ta’ diversi investimenti tal-Kumpanija fosthom servizzi ta’ inġinerija tal-elettriku industrijali lil azjendi fis-settur tal-manifattura, proġetti ta’ enerġija li tiġġedded kif ukoll il-kollaborazzjoni ma’ Streamcast Technologies, Inc. għall-iżvilupp ta’ global data centres fil-faċilitajiet ta’ Enemalta fil-Marsa.

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ġdid gradwa fl-inġinerija elettrika u fforma parti mit-tmexxija ta’ diversi kumpaniji, fosthom GO plc u s-sussidjarji tagħha u Alberta Fire and Security Ltd. Il-perspettiva u l-esperjenza tiegħu, iffukati fuq l-attenzjoni lejn it-titjib tas-servizz lill-klijenti u t-tisħiħ tal-effiċċjenza fl-operat, ser jgħinu lil Enemalta tikkonsolida l-bidla pożittiva li kisbet f’dawn l-aħħar erba’ snin, hekk kif reġgħet bdiet tirreġistra profitti wara snin ta’ diffikultajiet finanzjarji. Inġ. Vella ser ikompli wkoll il-ħidma ta’ Enemalta sabiex tfittex opportunitajiet ta’ investiment ġodda fis-settur tal-enerġija u fi swieq oħra f’Malta u lilhinn minnha.

Inġ. Fredrick Azzopardi spjega li wara l-kisbiet storiċi ta’ dawn l-aħħar erba’ snin, Enemalta issa qed tidħol f’fażi ġdida ta’ tisħiħ u żvilupp. “Il-Kumpanija tagħna llum ma tintgħarafx minn kif kienet ftit snin ilu. Bdilna kompletament l-operat tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku sabiex nipprovdu lill-klijenti tagħna servizzi tal-elettriku affidabbli, minn enerġija nadifa, b’tariffi rħas. Fl-istess waqt, żidna l-effiċċjenza tal-operat tagħna sabiex innaqqsu t-telf u nreġġgħu lura lil Enemalta fit-triq tal-profitabilità. Issa jeħtieġ inkomplu nibnu fuq dawn il-pedamenti sabiex niżguraw li dawn il-kisbiet inżommuhom u nkattruhom fis-snin li ġejjin.”

Inġ. Vella rringrazzja l-Bord tad-Diretturi tal-Kumpanija għall-fiduċja li wrew fih f’din il-kariga ġdida. “Meta bdejt naħem Enemalta sibt tim ta’ impjegati ħabrieka li ħatfu l-okkażjoni hekk kif ingħatatilhom l-opportunità li jerġgħu jqajmu lil Enemalta fuq saqajha. Inħossni onorat li kont parti minn din il-ħidma fl-2017 u ninsab ħerqan għar-responsabilitajiet ġodda li ser ningħata f’Jannar. Sabiex inżommu l-qagħda finanzjarja b’saħħitha li għandna bħalissa mingħajr ma nerħu l-impenn li l-ħin kollu ntejbu l-infrastruttura tal-elettriku tal-pajjiż u l-kwalità tas-servizzi tagħna, irridu b’mod kreattiv inżidu kemm nistgħu l-potenzjal tar-riżorsi tagħna waqt li nfittxu opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir lilhinn mill-operat ewlieni tagħna,” temm jgħid Inġ. Vella.