Nirien f’mina tad-distribuzzjoni tal-elettriku matul il-lejl

26.08.2017

Nirien f’mina tad-distribuzzjoni tal-elettriku matul il-lejl

Impjegati ta’ Enemalta plc ħadmu matul il-lejl sabiex jirranġaw ħsarat estensivi wara li nirien f’waħda mill-mini tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku ikkawżaw qtugħ fil-provvista ta’ diversi klijenti f’partijiet minn San Ġiljan u nħawi fil-qrib kmieni s-Sibt filgħodu.

In-Network Planning and Operations Control Centre tal-Kumpanija, li jopera 24 siegħa kuljum, irreġistra diffikultà fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fiċ-ċentru tad-distribuzzjoni ta’ St Andrew’s f’Pembroke, f’nofs il-lejl u sitta u għoxrin minuta (00:26) s-Sibt filgħodu. Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni inqata’ mill-kumplament tas-sistema, b’konsegwenza li ntfiet il-provvista tal-elettriku ta’ għadd ta’ klijenti f’partijiet minn San Ġiljan, Pembroke, il-Magħtab, Baħar iċ-Ċagħaq, is-Swieqi u San Ġwann.

Hekk kif ġew identifikati n-nirien, ħaddiema tat-tifi tan-nar mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mill-ewwel waslu fiċ-ċentru tad-distribuzzjoni sabiex jidħlu fil-mina mimlija duħħan u jitfu n-nirien. Għadd ta’ cables jaqbdu nstabu diversi mijjiet ta’ metri ‘l ġewwa fil-mina. Uffiċjali u inġiniera ta’ Enemalta kienu lesti fuq il-post sabiex jispezzjonaw il-ħsarat hekk kif il-mina kienet ċertifikata sikura biex jidħlu fiha.

Il-ħidma biex jitranġaw il-cables ta’ 33 kV li ntlaqtu min-nirien u terġa’ tingħata l-provvista liċ-ċentru tad-distribuzzjoni ta’ St Andrew’s bdiet hekk kif id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kkonferma li ma kienx għad baqa’ perikli għall-inġiniera u t-tekniċi fiż-żona tal-inċident. Għadd ta’ impjegati għadhom fil-mina sa dalgħodu u ser ikomplu t-tiswjiet matul il-jum biex jitlestew malajr kemm jista’ jkun.

Fl-istess waqt, il-provvista tal-elettriku bdiet gradwalment tingħata lura lill-klijenti affettwati minn sorsi alternattivi.

Enemalta plc qed tistħarreġ l-inċident sabiex tidentifika u timplimenta kwalunkwe miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jonqos ir-riskju ta’ dawn it-tip ta’ diffikultajiet.

Fi stqarrijiet fil-media, it-tmexxija ta’ Enemalta irringrazzjat pubblikament lill-impjegati tagħha, lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u lill-Pulizija għall-appoġġ immedjat tagħhom matul l-emerġenza bil-lejl.

Il-Kumpanija esprimiet ukoll id-dispjaċir tagħha għal kull inkonvenjent ikkawżat minn dawn id-diffikultajiet.