Konsultazzjoni pubblika dwar Charter ġdid għall-klijenti ta’ Enemalta

24.08.2017

Enemalta plc qed tistieden lill-klijenti u l-impjegati tagħha jagħtu s-suġġerimenti tagħhom dwar il-customer charter ġdid li nediet f’dawn l-aħħar jiem bħala abbozz għall-konsultazzjoni qabel jiġi kkonfermat aktar tard din is-sena.

Dan id-dokument ta’ 40 paġna jispjega t-termini u l-kundizzjonijiet tas-servizzi tal-elettriku tal-Kumpanija, fosthom l-impenji u r-responsabbilitajiet ta’ Enemalta lejn il-klijenti tagħha, u l-obbligi rispettivi tagħhom.

Iċ-charter ġdid ta’ Enemalta jiffoka fuq l-impenji tal-Kumpanija, fosthom il-livelli tekniċi li s-servizzi tal-elettriku għandhom jilħqu, il-ħin massimu li l-klijenti għandhom jistennew sabiex jingħataw servizzi ġodda u l-iżvilupp ta’ kapaċità u flessibilità xierqa sabiex tilqa’ għad-domanda tal-elettriku tal-klijenti waqt li tnaqqas ir-riskju ta’ qtugħ tal-provvista. Dan id-dokument jisħaq ukoll dwar ir-rabta tal-Kumpanija li tħares il-kunfidenzjalità tad-dettalji tal-klijenti, kif ukoll li tindokra l-ambjent ta’ madwarna.

Kapitlu importanti ieħor ta’ dan id-dokument fih lista tal-obbligi tal-klijenti meta jużaw is-servizzi tal-elettriku ta’ Enemalta. Fost oħrajn, il-klijenti mistennija jaraw li jkollhom ċirkwiti tal-elettriku interni mingħajr perikli u miżmumin dejjem fi stat tajjeb, jiżguraw li jżommu s-servizzi ta’ Enemalta ħielsa minn kull irregolarità – bħas-serq tal-elettriku jew tbagħbis ta’ apparat relatat – u li jirrapurtaw kull diffikultà li jkollhom mill-aktar fis.

Id-dokument jagħti wkoll dettalji dwar kif jitkejjel il-konsum tal-elettriku u dwar il-proċeduri tal-kontijiet u ħlasijiet. Jispjega wkoll l-appoġġ li Enemalta tagħti lill-klijenti meta jiltaqgħu ma’ xi diffikultà fis-servizzi tal-elettriku tagħhom.

Inġ. Fredrick Azzopardi, Executive Chairman ta’ Enemalta plc, jispjega li ftit snin ilu l-Kumpanija nediet investiment kontinwu sabiex dejjem ittejjeb l-operat tagħha, biex il-klijenti jkollhom servizzi aktar affidabbli u biex tissaħħaħ il-kwalità tal-appoġġ tekniku u amministrattiv li jirċievu. “Bħala parti minn din il-ħidma sabiex intejbu l-esperjenza tal-klijenti tagħna, investejna l-miljuni fi proġetti ta’ tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni, żidna l-effiċjenza fl-għoti tas-servizzi tagħna u żviluppajna timijiet ta’ tekniċi ġodda sabiex iwieġbu għat-talbiet ta’ għajnuna teknika mill-klijenti mill-aktar fis possibli, 24 siegħa kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd.”

“B’riżultat ta’ din il-ħidma, naqqasna ż-żmien ta’ stennija sabiex tingħata servizz ġdid, kif ukoll il-frekwenza u t-tul ta’ diffikultajiet li jwasslu għall-qtugħ fil-provvista b’aktar minn 60 fil-mija f’inqas minn erba’ snin. Dan iċ-charter jikkonferma l-impenn tagħna li nkomplu din il-ħidma ta’ titjib kontinwu tas-servizzi tagħna,” jistqarr l-Inġ. Azzopardi.