Opportunitajiet ġodda ta’ taħriġ u boroż ta’ studji fil-qasam tal-enerġija
07.09.2017
Opportunitajiet ġodda ta’ taħriġ u boroż ta’ studji fil-qasam tal-enerġija
MCAST flimkien ma’ Enemalta plc nedew kollaborazzjoni ta’ ħames snin sabiex jiġi pprovdut taħriġ għall-impjegati tal-Kumpanija kif ukoll għar-riċerki, internships, u boroż ta’ studji fis-settur tal-enerġija għall-istudenti tal-Kulleġġ.
Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, MCAST ser tipprovdi sapport u kompetenza fl-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ relatat ma’ sistemi tal-enerġija sabiex l-impjegati ta’ Enemalta plc jkomplu jitħarrġu b’mod professjonali. Dan it-tagħlim se jgħin biex tiġi żviluppata bażi nazzjonali ta’ għarfien fl-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tisħiħ tas-sistemi tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż.
MCAST u Enemalta se jikkolaboraw ukoll fuq programmi konġunti ta’ riċerka sabiex jinkoraġixxu aktar l-innovazzjoni u l-iżvilupp fis-settur tal-enerġija. Permezz ta’ dan il-ftehim, Enemalta plc se tagħti opportunitajiet ġodda permezz ta’ taħriġ fil-post tax-xogħol għal apprendistat u internships lill-istudenti tal-MCAST. Barraminnhekk, Enemalta qed tappoġġja lil MCAST fl-akkwist ta’ taħriġ u apparat speċjalizzat għat-tagħlim u r-riċerka għall-letturi, riċerkaturi u studenti tal-Kulleġġ. Il-Kumpanija ser tipprovdi wkoll boroż ta’ studji annwali fuq livelli postgraduate għal studenti li jsegwu karrieri marbuta mas-settur tal-enerġija. Dan il-ftehim jipprovdi wkoll lil MCAST il-possibbilta li tintuża l-faċilitajiet ta’ Enemalta plc, inkluż l-installazzjonijiet tal-elettriku, sew tal-ġenerazzjoni kif ukoll tad-distribuzzjoni, għal skopijiet ta’ riċerki.
Ser ikun hemm diskussjonijiet bejn MCAST u Enemalta sabiex jiġi stabbilit in-National Grid Power Systems Research Centre bħala parti mill-MCAST Energy Research Group.
Dan il-ftehim ġie ffirmat nhar il-Ħamis 7 ta’ Settembru, minn Dr Silvio De Bono, President tal-Bord tal-Gvernaturi ta’ MCAST u l-Inġ. Fredrick Azzopardi, Ċermen Eżekkutiv Enemalta plc fil-preżenza tal-Onorevoli Evarist Bartolo, Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Aug 28, 2017 12:00 AM
Konsultazzjoni pubblika dwar Charter ġdid għall-klijenti ta’ Enemalta
Enemalta plc qed tistieden lill-klijenti u l-impjegati tagħha jagħtu s-suġġerimenti tagħhom dwar il-customer charter ġdid li nediet f’dawn l-aħħar jiem bħala abbozz għall-konsultazzjoni qabel jiġi kkonfermat aktar tard din is-sena.
Dan id-dokument ta’ 40 paġna jispjega t-termini u l-kundizzjonijiet tas-servizzi tal-elettriku tal-Kumpanija, fosthom l-impenji u r-responsabbilitajiet ta’ Enemalta lejn il-klijenti tagħha, u l-obbligi rispettivi tagħhom.
Iċ-charter ġdid ta’ Enemalta jiffoka fuq l-impenji tal-Kumpanija, fosthom il-livelli tekniċi li s-servizzi tal-elettriku għandhom jilħqu, il-ħin massimu li l-klijenti għandhom jistennew sabiex jingħataw servizzi ġodda u l-iżvilupp ta’ kapaċità u flessibilità xierqa sabiex tilqa’ għad-domanda tal-elettriku tal-klijenti waqt li tnaqqas ir-riskju ta’ qtugħ tal-provvista. Dan id-dokument jisħaq ukoll dwar ir-rabta tal-Kumpanija li tħares il-kunfidenzjalità tad-dettalji tal-klijenti, kif ukoll li tindokra l-ambjent ta’ madwarna.
Kapitlu importanti ieħor ta’ dan id-dokument fih lista tal-obbligi tal-klijenti meta jużaw is-servizzi tal-elettriku ta’ Enemalta. Fost oħrajn, il-klijenti mistennija jaraw li jkollhom ċirkwiti tal-elettriku interni mingħajr perikli u miżmumin dejjem fi stat tajjeb, jiżguraw li jżommu s-servizzi ta’ Enemalta ħielsa minn kull irregolarità – bħas-serq tal-elettriku jew tbagħbis ta’ apparat relatat – u li jirrapurtaw kull diffikultà li jkollhom mill-aktar fis.
Id-dokument jagħti wkoll dettalji dwar kif jitkejjel il-konsum tal-elettriku u dwar il-proċeduri tal-kontijiet u ħlasijiet. Jispjega wkoll l-appoġġ li Enemalta tagħti lill-klijenti meta jiltaqgħu ma’ xi diffikultà fis-servizzi tal-elettriku tagħhom.
Inġ. Fredrick Azzopardi, Executive Chairman ta’ Enemalta plc, jispjega li ftit snin ilu l-Kumpanija nediet investiment kontinwu sabiex dejjem ittejjeb l-operat tagħha, biex il-klijenti jkollhom servizzi aktar affidabbli u biex tissaħħaħ il-kwalità tal-appoġġ tekniku u amministrattiv li jirċievu. “Bħala parti minn din il-ħidma sabiex intejbu l-esperjenza tal-klijenti tagħna, investejna l-miljuni fi proġetti ta’ tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni, żidna l-effiċjenza fl-għoti tas-servizzi tagħna u żviluppajna timijiet ta’ tekniċi ġodda sabiex iwieġbu għat-talbiet ta’ għajnuna teknika mill-klijenti mill-aktar fis possibli, 24 siegħa kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd.”
“B’riżultat ta’ din il-ħidma, naqqasna ż-żmien ta’ stennija sabiex tingħata servizz ġdid, kif ukoll il-frekwenza u t-tul ta’ diffikultajiet li jwasslu għall-qtugħ fil-provvista b’aktar minn 60 fil-mija f’inqas minn erba’ snin. Dan iċ-charter jikkonferma l-impenn tagħna li nkomplu din il-ħidma ta’ titjib kontinwu tas-servizzi tagħna,” jistqarr l-Inġ. Azzopardi.
L-abbozz tal-customer charter ta’ Enemalta jista’ jinkiseb mis-sit tal-Kumpanija fuq l-Internet www.enemalta.com.mt jew billi tagħfas fuq il-verżjoni li tippreferi, bil-Malti jew bl-Inglis, hawnhekk:
customercharterbrochureeng customercharterbrochuremal
English Maltese
Il-klijenti u l-impjegati huma mistiedna jaqraw id-dokument u jgħaddu l-kummenti tagħhom permezz ta’ ittra elettronika fuq [email protected], sa nhar it-Tnejn 9 ta’ Ottubru 2017. Enemalta ser tqis is-suġġerimenti validi kollha li tirċievi waqt it-tfassil tad-dokument finali li eventwalment jiġi mgħoddi lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, għall-kunsiderazzjoni finali tiegħu.