Enemalta u Enemed jagħtu apparat speċjalizzat lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
04.08.2017
Bħala parti minn kollaborazzjoni kontinwa, Enemalta plc u Enemed Co. Ltd ippreżentaw apparat speċjalizzat għall-ħidma ta’ salvataġġ u tifi tan-nirien f’postijiet b’ħafna għeluq.
Iż-żewġ kumpaniji għadhom kif xtraw tagħmir tan-nifs, magħruf bħala long duration breathing apparatus, li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jista’ juża waqt emerġenzi ta’ salvataġġ jew tifi tan-nar f’mini taħt l-art jew postijiet oħra ristretti. Dan l-apparat jippermetti lill-ħaddiema tad-Dipartiment li jidħlu b’mod sikur fi spazji bħal dawn waqt nirien jew dħaħen u jibqgħu hemm għal ħinijiet itwal sabiex jgħinu l-persuni maqbuda fihom jew biex jitfu n-nar. Permezz ta’ dan l-investiment ta’ €60,000 Enemalta u Enemed ħallsu wkoll korsijiet intensivi fl-Italja għal erba’ ħaddiema tad-Dipartiment sabiex jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jużaw l-apparat ġdid. Dawn il-ħaddiema qed jgħaddu din l-esperjenza lill-kollegi oħra li jistgħu jiġu bżonn dan it-tagħmir.
Enemalta plc tuża aktar minn 30 kilometru ta’ mini taħt l-art sabiex minnhom tgħaddi mijjiet ta’ kilometri ta’ high voltage cables biex twassal l-elettriku mill-power stations u l-Malta-Italy Interconnector lejn il-ħoloq ewlenin tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku madwar il-pajjiż. Hekk ukoll Enemed topera xibka ta’ mini sabiex twassal il-fjuwils impurtati f’Malta mill-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsaxlokk lejn il-faċilitajiet ta’ ħażna, li uħud minnhom jinsabu taħt l-art ukoll. Dawn l-installazzjonijiet ta’ tqassim tal-elettriku u ta’ ħażna ta’ fjuwils huma essenzjali sabiex iż-żewġ kumpaniji jkunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom waqt li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u tal-fjuwils f’pajjiżna.
L-użu ta’ long duration breathing apparatus huwa waħda minn diversi miżuri li ż-żewġ kumpaniji flimkien mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili identifikaw bħala parti minn proċess kontinwu sabiex jeżaminaw u jtejbu t-tħejjija tal-pajjiż għal aċċidenti jew emerġenzi oħra f’dawn l-installazzjonijiet daqstant importanti. Miżuri oħra f’dawn il-postijiet mħaffra taħt l-art jinkludu sistemi ta’ allarm kontra n-nirien, sistemi ta’ sorveljanza, proċeduri ta’ operat rigorużi għall-ħaddiema li jidħlu f’dawn l-ispazji u interventi oħra maħsuba biex inaqqsu r-riskju ta’ nirien, jew li n-nirien jinfirxu.
Enemalta, Enemed u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jaħdmu wkoll fuq inizzjattivi oħra sabiex jiżguraw is-sigurtà ta’ installazzjonijiet oħra tal-enerġija. Bħala l-operaturi ta’ uħud mill-akbar ħażniet ta’ fjuwils f’Malta, iż-żewġ Kumpaniji jikkollaboraw ukoll mad-Dipartiment u ma’ awtoritajiet oħra sabiex jiżguraw li jilħqu l-kriterji ta’ ħarsien mill-aċċidenti hekk kif mitlub mir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Perikli ta’ Inċidenti Kbar (COMAH). L-impjegati tat-tliet entitajiet regolarment jieħdu sehem f’eżerċizzji ta’ simulazzjoni ta’ emerġenzi sabiex jeżaminaw, iqisu u jirfinaw il-pjanijiet ta’ emerġenza li għandhom għal kull wieħed minn dawn is-siti strateġiċi.