Ċentru ġdid għall-kontroll tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż
30.06.2017
Enemalta plc bdiet topera ċentru ta’ ppjanar u kontroll tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li permezz tiegħu l-inġiniera tal-Kumpanija kisbu aktar teknoloġiji ġodda sabiex ikomplu jtejbu l-kwalità tas-servizzi tal-elettriku lill-klijenti.
Dan iċ-ċentru, li jinsab fil-Bini Amministrattiv tal-Kumpanija, il-Marsa, jifforma parti minn investiment ta’ aktar minn €5 miljun f’teknoloġiji ġodda għal kontroll aħjar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. L-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles J. Scicluna flimkien mal-Inġ. Fredrick Azzopardi, inawguraw dan iċ-ċentru ftit tal-jiem ilu waqt laqgħa mal-inġiniera li qed jaħdmu fih.
Grupp ta’ inġiniera jkunu f’dan iċ-ċentru 24 siegħa kuljum, anke fil-Ħdud u festi, sabiex kontinwament jikkontrollaw u jissorveljaw l-operat tas-sistema tad-distibuzzjoni, fosthom iċ-ċentri tad-distribuzzjoni f’Malta u Għawdex u għadd ta’ installazzjonijiet oħra. Dawn l-inġiniera huma mħarrġa sabiex f’każ ta’ xi diffikultà, jintervjenu mill-ewwel permezz billi jixgħelu konnessjonijiet alternattivi u jerġgħu jagħtu l-provvista tal-elettriku lill-klijenti fl-inħawi affettwati fl-iqsar ħin possibbli. Minn dan iċ-ċentru l-inġinera jikkordinaw ukoll xogħlijiet ta’ tiswijiet, manutenzjoni jew tkabbir tas-sistema tad-distribuzzjoni li jkunu għaddejjin lejl u nhar, f’għadd ta’ nħawi minn timijiet ta’ ħaddiema oħra.
Inġiniera oħra f’dan iċ-ċentru jwettqu studji sabiex janalizzaw it-tibdil fil-konsum tal-elettriku f’partijiet differenti ta’ Malta u jippjanaw bil-quddiem x’investiment ikun meħtieġ sabiex is-sistema tibqa’ tilqa’ għad-domanda tal-klijenti.
Sa ftit ġimgħat ilu, dawn l-inġiniera kienu jwettqu dan ix-xogħol f’kamra tal-kontroll fl-istess bini, li kienet ilha tintuża diversi snin. Din il-kamra kienet saret żgħira wisq biex minnha titħaddem is-sistema tad-distribuzzjoni, hekk kif din qed tkompli tiżviluppa u tikber sabiex tilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ klijenti ġodda. L-iżvilupp taċ-ċentru l-ġdid għall-ippjanar u l-kontroll tas-sistema tad-distribuzzjoni beda f’Diċembru li għadda. Ix-xogħlijiet kollha ġew imfassla u mwettqa minn ħaddiema ta’ Enemalta plc u tas-sussidjarja tagħha International Energy Service Centre, bl-għajuna ta’ għadd ta’ kuntratturi.
F’dan iċ-ċentru ġdid, l-inġiniera qed ikollhom ukoll aċċess għal diversi sistemi ġodda li bħalissa qed jiġu installati fis-sistema tad-distribuzzjoni madwar il-pajjiż. Fost oħrajn, hemm sistema innovattiva li bdiet tiġi installata fl-2015 sabiex gradwalment aktar minn 1,300 substation li nsibu f’diversi toroq f’kull lokalità jibdew jiġu kkontrollati minn dawn l-inġiniera mingħajr ma’ jmorru fuq il-post. B’hekk meta tinqala’ xi diffikultà li taffettwa l-provvista lill-klijenti, ma jkunx hemm għalfejn jintilef il-ħin sakemm l-inġiniera jaslu fuq il-post. Qed tiġi introdotta wkoll sistema ta’ software ġdid li tagħti lill-inġiniera aktar dettalji tekniċi li bihom jisgħu jtejbu l-operat tas-sistema tad-distribuzzjoni.
Qed tiġi installata wkoll sistema ġdida ta’ sorveljanza kompjuterizzata b’aktar minn 700 kameras fl-instalazzjonijiet ewlenin tas-sistema tad-distribuzzjoni. B’hekk, jekk tinqala’ diffikultà teknika jew xi emerġenza, Enemalta tkun tista’ ssegwi l-installazzjonijiet u l-apparat tas-sistema madwar il-pajjiż minn post wieħed.
Inġ. Fredrick Azzopardi, Executive Chairman ta’ Enemalta plc, irringrazzja lill-impjegati li ħadmu sabiex lestew dan il-proġett. “Madwar il-pajjiż f’dawn l-aħħar snin investejna aktar minn €100 miljun sabiex insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u nnaqqsu d-diffikultajiet li jwasslu għall-qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Irnexxielna nnaqqsu l-qtugħ fil-provvista lill-klijenti tagħna b’aktar minn 60 fil-mija. Dan iċ-ċentru ta’ kontroll jgħaqqad din il-ħidma kollha flimkien u jagħtina aktar riżorsi biex noffru servizz ta’ kwalita ogħla lill-klijenti tagħna.”