Is-sostenibbiltà finanzjarja ta’ Enemalta kkonfermata mill-ġdid minn Standard & Poor’s
Għas-seba’ sena konsekuttiva, Standard and Poor’s, fl-analiżi tagħha tal-Enemalta plc, reġgħet affermat l-isforzi mwettqa mill-kumpanija biex tipprovdi prezz raġonevoli u sigurtà fil-provvista tal-elettriku, fl-istess waqt li tiżgura s-sostenibbiltà ambjentali u finanzjarja tas-servizzi tal-elettriku f’Malta.
Ilbieraħ, l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu kkonfermat il-klassifikazzjoni tal-kreditu BB- u l-profil tal-kreditu B-stand-alone lil Enemalta, bi prospetti stabbli għas-snin li ġejjin. Din il-kisba hija kontinwazzjoni fl-appoġġ ta’ Standard & Poor’s fil-pjan fit-tul ta’ trasformazzjoni ta’ Enemalta mill-2014 (għal enerġija iktar nadifa u sostenibbiltà finanzjarja) meta bdiet ittejjeb il-klassifikazzjoni tal-kreditu tagħha u l-profil ta’ kreditu awtonomu.
Standard & Poor’s enfasizzat il-fatt li l-varjeta’ ta’ sorsi ta’ enerġija użati fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, inklużi l-impjanti Delimara 3 u Delimara 4, li jaħdmu bil-gass, u l-Interconnector bejn Malta u l-Italja, qed jiżguraw b’mod adegwat is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku meħtieġa fil-Gżejjer Maltin kif ukoll livell suffiċjenti ta’ kapaċità għall-futur. F’dan ir-rigward, l-aġenzija qed tbassar żieda annwali ta’ 3.5% għal 4% fil-konsum tal-elettriku matul l-2019 u l-2020.
Dan ir-rapport jenfasizza l-fatt li l-Enemalta “qed tiffoka mill-ġdid fuq is-servizz offrut lill-klijenti tagħha – diġà rajna tnaqqis f’interruzzjonijiet tekniċi relatati mad-distribuzzjoni tal-enerġija u titjib fil-provvista tal-elettriku” sostniet l-aġenzija ta’ kreditu. Flimkien ma’ dan, Standard & Poor’s enfasizzaw l-isforzi pożittivi meħuda minn Enemalta biex jitnaqqsu l-ispejjeż u titjieb il-kwalità tal-provvista tal-elettriku bi strateġija bbażata fuq il-kunċett li l-konsumatur jiġi l-ewwel.
“L-investimenti tal-kumpanija jiffokaw fuq it-titjib tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħha, bl-iżvilupp tan-netwerk ta’ vultaġġ għoli fis-snin preċedenti u l-espansjoni tan-netwerk ta’ vultaġġ baxx fis-snin li ġejjin. Enemalta qed issegwi standards operattivi tajbin li joffru sodisfazzjon lill-konsumatur” irrimarkat l-aġenzija ta’ kreditu.
Fil-valutazzjoni annwali tagħha dwar l-operat ta’ Enemalta, Standard & Poor’s għal darb’oħra irrimarkat b’mod mill-aktar pożittiv dwar it-tmexxija u l-governanza tal-Kumpanija, tant li argumentat li l-“maniġment tal-kumpanija qed jopera aktar b’mod indipendenti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi li huma relatati mal-mudell operattiv li mplimentat fl-aħħar snin.”
Kevin Chircop, iċ-Chairman tal-Kumpanija, laqa’ b’sodisfazzjon ir-reviżjoni ta’ Standard & Poor’s fl-istess waqt li kkummenta li “dan ir-rapport juri biċ-ċar li Enemalta qed issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha skont id-direzzjoni mogħtija mill-bord tad-diretturi, liema direzzjoni toffri opportunitjiet li jistgħu jiġu sfruttati fil-futur. ”
Min-naħa tiegħu, l-Ing. Jason Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-Kumpanija, iddeskriva r-reviżjoni ta’ Standard & Poor’s bħala inkoraġġiment ulterjuri fit-tisħiħ tal-operat ta’ Enemalta lejn stabilita’ finanzjarja, aktar effiċjenza u servizz ta’ livell għola mogħti lill-klijenti.
“Bħala kumpanija għandna impenn ċar li noffru servizz tal-għola livell lill-klijenti tagħna li jkun finanzjarjament vijabbli, u r-rapport ta’ Standard & Poor’s tikkonferma li Enemalta miexja fid-direzzjoni t-tajba, għall-benefiċċju kemm tal-kumpanija kif ukoll tal-klijenti tagħha, ” sostna l-Ing. Vella.