Enemalta tirreġistra l-akbar domanda għall-provvista tal-elettriku

10.07.2019

Id-domanda għal provvista tal-elettriku fil-jum tal-bieraħ laħqet il-510MW, li hija l-ogħla rata qatt reġistrata minn Enemalta plc. Din hija żieda ta’ ftit anqas minn 5% mill-ogħla rata li kienet ġiet reġistrata qabel, jiġifieri dik ta’ 488MW f’Awwissu tal-2017. Fl-istess waqt, fl-ewwel jiem ta’ Lulju, id-domanda għall-provvista tal-elettriku kienet ta’ 15% aktar mid-domanda li ġiet reġistrata fl-aħħar sentejn fl-istess perjodu.

Fl-aħħar jumejn, xi klijenti ta’ Enemalta esperjenzaw qtugħ tal-provvista tal-elettriku f’diversi lokalitajiet kaġun taż-żieda qawwija fl-imsemmija provvista minħabba temperaturi għoljin ferm aktar mill-medja li laqtu lill-Gżejjer Maltin fl-aħħar jiem. Dawn il-ħsarat, li kienu lokalizzati, ma kinux relatati ma’ xulxin.
Grazzi għall-investiment li għamlet Enemalta fis-sistemi ta’ awtomazzjoni tas-substations tagħha fl-aħħar snin, ħafna minn dawn l-interruzzjonijiet ġew solvuti fi żmien relattivament qasir. Fil-fatt, il-provvista tal-elettriku ġiet lura għan-normal wara għaxar minuti fit-80% tal-każi.

Fl-ebda ħin waqt dawn il-ħsarat, ma kien hemm xi diffikulta’ fis-sistemi ta’ ġenerazzjoni. Tajjeb li wieħed jirrimarka li dawn il-faċilitajiet kienu disponibbli l-ħin kollu bla ebda interruzzjoni.

Filwaqt li Enemalta tiskuża ruħha għal kull inkonvenjent, se tissokta bl-investiment tagħha fis-sistemi ta’ distribuzzjoni biex tkompli ssaħħaħ il-kwalita’ tas-servizz offrut lill-klijenti tagħha. Kif għamlet fl-aħħar jiem, Enemalta se jkollha timijiet akbar ta’ emerġenza għal dak kollu li jista’ jinqala’ sakemm ikompli jippersisti temp anomalu li esperjenzajna fl-aħħar jiem. Enemalta tinforma li qed iżżomm il-paġna ta’ Facebook aġġornata bl-aħħar informazzjoni, bi klijenti li jesperjenzaw xi diffikultajiet għandhom jagħmlu kuntatt magħħa fuq il-freephone number 8000 2224.