Titlesta t-tiswija fuq l-Interconnector

13.03.2020

Enemalta plc tixtieq tinforma lill-pubbliku li wara li l-bieraħ tlestew it-tiswijiet u saru l-provi neċessarji, aktar kmieni wara nofsinhar illum, l-Interconnector bejn Malta u Sqallija reġa’ ġie disponibbli u allura qed jerġa’ jintuża bħala element importanti fl-energy mix ta’ pajjiżna biex b’hekk tiġi żgurata l-provvista tal-elettriku madwar il-pajjiż.

Wara l-ħsara li sofra l-Interconnector nhar it-23 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet, sar survey dettaljat u ssussegwentament dawn l-aħħar ġimgħat twettaq xogħol ma jaqta’ xejn biex ta’ tiswija fuq l-Interconnector, liema proċess inbeda nhar l-14 ta’ Frar.

Filwaqt li kien prevvist li t-tiswija titlesta fit-tielet ġimgħa ta’ Marzu u b’hekk l-Interconnector kien mistenni li jerġa’ jkun disponibbli għall-aħħar tax-xahar, grazzi għal ħidma kontinwa tal-uffiċjali u haddiema ta’ Enemalta plc kif ukoll dawk ta’ Nexans Norway, il-manifattur tal-cable, il-proċess ta’ tiswija tlesta f’perjodu iqsar minn dak ippjanat biex b’hekk tkun żgurata l-provvista tal-elettriku f’pajjiżna.

Fil-jiem li ġejjin huwa mistenni li l-cable jindifen fi trinka apposta f’qiegħ il-baħar, proċess li, sakemm jitlesta, se tkun qed issir għassa kontinwa fuq il-baħar 24 siegħa kuljum.

Enemalta plc tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha nvoluti f’dan il-proċess ta’ tiswija, b’mod speċjali lill-ħaddiema u uffiċjali tagħha, li ħadmu bla heda sakemm dan il-proċess jitlesta fl-inqas ħin possibbli biex b’hekk tiġi żgurata l-provvista tal-elettriku f’pajjiżna.