Tiġdid u tisħiħ fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Enemalta f’Ħal Tarxien
04.06.2021
B’investiment ta’ ftit inqas minn żewġ miljun ewro, inġiniera u tekniċi tal-Enemalta plc għaddejjin b’xogħol biex jimmodernizzaw bi transformers ġodda ċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni li l-Enemalta għandha fil-qasam industrijali ta’ Bulebel.
Dan iċ-ċentru huwa ħolqa importanti fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku mhux biss għal bosta industriji li hemm fil-qasam industrijali ta’ Bulebel iżda ukoll għal diversi lokalitajiet minħabba miegħu hemm imqabbda 166 substation li jfornu eluf ta’ klijenti tal-Enemalta mill-Kottonera sa Ħal Luqa.
Nhar is-Sibt 22 ta’ Mejju 2021, il-ħaddiema tal-Enemalta żarmaw l-ewwel minn tlett transformers antiki li hemm fiċ-ċentru bħala parti mill-proġett ta’ tiġdid li fih dawn ser ikunu mibdula ma transformers ġodda li ġew manifatturati mill-kumpanija Siemens Energy fi Trento fl-Italja.
L-ewwel minn dawn it-transformers li jiżen kważi 50 tunnellata wasal Malta u diġà jinsab fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ Ħal Tarxien fejn qed isiru xogħlijiet biex dan jitqabbad ħalli fi ftit jiem oħra jkun parti mis-sistema tad-distribuzzjoni tal-enerġija. Iż-żewġ transformers l-oħra mistennija jaslu Malta fis-sitt xhur li ġejjin.
L-Inġinier John Caruana u d-Divisional Manager Systems Karl Cilia li huma responsabbli minn dan il-proġett spjegaw li t-transformers il-ġodda għandhom kapaċità ta’ 30 MVA u qed jieħdu post it-transformers l-qodma li kellhom kapaċità ta’ 22.5 MVA.
Spjega li dan ifisser li bit-transformers il-ġodda anke meta tiżdied id-domanda, mhux se tkun meħtieġa sospensjoni tal-elettriku meta tkun trid issir manutenzjoni fuq xi wieħed mit-transformers f’dan iċ-ċentru.
F’dan il-proġett l-Enemalta ħasbet ukoll biex it-transfomers ikunu jistgħu jikkoreġu il-vultaġġ b’ aktar effiċjenza kif ukoll biex tissodisfa għal bidliet fid-domanda fost oħrajn minħabba l-potenzjal li jiżdiedu l-pannelli tax-xemx.
It-transformers huma mgħammra b-apparat modern ta’ sorveljanza kontinwa kif ukoll sistema li taċċerta li ż-żejt ġewwa transformers jinżamm f kundizzjoni tajba mingħajr il-bżonn li jintbagħatu kampjuni regolari taż-żejt f’ laboratorju barra min Malta.