Eżerċizzju ta’ taħriġ għall-emerġenzi fil-Power Station ta’ Delimara

23.07.2021

Illum, il-Ġimgħa 23 ta’ Lulju, sar eżerċizzju ta’ taħriġ għall-emerġenzi fil-Power Station ta’ Delimara. Dan l-eżerċizzju kien jinvolvi simulazzjoni t’inċident fejn waqt xogħol ta’ manutenzjoni f’tank kien hemm ħruġ ta’ fuel u qabad in-nar. Il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili, flimkien mat-tim tal-emerġenza tal-Enemalta ġew imsejjħa fuq il-post sabiex jassistu fl-inċident u jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Sabiex it-taħriġ ikun kemm jista’ jkun realistiku, la l-ħaddiema tal-Enemalta u lanqas dawk tal-emerġenzi ma kienu jafu b’dan l-eżerċizzju minn qabel. Dan l-eżerċizzju jsir darba kull sentejn, hekk kif inhu meħtieġ mir-regolamenti tal-COMAH (Control Of Major Accident Hazards).

Dan l-eżerċizzju jiġi osservat mill-ERA(Environment and Resources Authority) u l-OHSA (Occupational Health and Saftey Authority). L-eżerċizzju jservi ta’ taħriġ f’kas ta’ xi emerġenza għall-impjegati, kif ukoll jiġu ttestjati l-pjanijiet ta’ emerġenza fil-power station.

Matul l-eżerċizzju rajna livell għoli ta’ professjonalita` adott minn dawk kollha li pparteċipaw f’dan it-taħriġ. L-Enemalta tixtieq turi l-apprezzament tagħha għax-xogħol imprezzabbli tat-tim ta’ rispons għall-emerġenzi u l-impjegati tagħha, tas-CPD, il-Korp tal-Pulizija u l-uffiċjali mediċi.

Fuq kollox, dan l-eżerċizzju ta’ taħriġ ma jserviex biss għall-ħaddiema ta’ Enemalta biss, iżda ukoll għall-pubbliku inġenerali. Filwaqt li r-riskji li jinqalgħu inċidenti bħal dawn huma minimi, jekk jinqala’ xi ħaġa ta’ dan it-tip, dawk li jaħdmu jew joqgħodu viċin il-power station, għandhom jimxu mal-istess gwida għall-każijiet t’emerġenza li ntbagħtet lill-pubbliku fil-passat. Din qed terġa’ tiġi mehmuża għall-fini t’aċċessibilita`.