X’jiġri f’każ ta’ tsunami f’Delimara?
08.11.2021
L-Enemalta ħadet sehem attiv f’eżerċizzju nazzjonali ta’ simulazzjoni ta’ tsunami li sar nhar il-Ġimgħa 5ta’ Novembru, mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Fl-eżerċizzju kien msejjes fuq stħajjil li terremot fil-baħar ikkawża tsunami b’mewġ ta’ metru u nofs li laqat l-inħawi ta’ Delimara u Marsaxlokk fejn l-Enemalta għandha infrastruttura essenzjali biex tforni l-provvista tal-elettriku lil Malta u Għawdex.
F’dan l-eżerċizzju, l-Enemalta kienet avżata mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili madwar 20 minuta biss qabel mal-mewġ laħaq ix-xatt. Minnufih ġie attivat pjan ta’ azzjoni li l-Enemalta għandha maħsub għal emerġenzi nazzjonali.
Mal-wasla tal-avviż mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fil-kumpless tal-Power Station ittieħdu l-passi biex l-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku jintfew biex titnaqqas il-ħsara f’każ li dawn jispiċċaw mgħarrqa.
Fil-fratemp f’inqas minn għaxar minuti, l-ħaddiema fl-impjanti ta’ Delimara ġew evakwati l-bogħod mill-periklu. L-Enemalta ħadet ukoll miżuri fit-tliet substations li jistgħu jispiċċaw mgħarrqa għax jinsabu fiz-zona li ser tintlaqat mit-tsunami.
Fl-istess waqt tekniċi u inġiniera tal-Enemalta fil-Marsa, ħadu ħsieb biex il-provvista tingħata minn sorsi oħra fosthom l-interconnector u l-impjant ta’ emerġenza fil-Marsa. Dan biex jiġi evitat kemm jista’ ikun li xi partijiet tal-pajjiż jispiċċaw bla dawl minħabba li d-domanda ma tkunx tlaħħaq mal-provvista.
Għalkemm dan kien eżerċizzju mistħajjel, l-uffiċjali tal-Enemalta ser jagħmlu evalwazzjoni ta’ kemm il-pjan ta’ emerġenza tal-kumpanija twettaq u dwar x’miżuri oħra jistgħu isiru biex l-Enemalta tkun imħejjija bl-aħħar mod possibbli f’każ ta’ emerġenzi u diżastri naturali.