Ħidma kumplessa u delikata fid-DC ta’ Ħal Kirkop
29.04.2022
L-Inġinerija fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku toffri sfida kontinwa u f’ċerti okkażjonijiet l-isfida tkun akbar mis-soltu.
Hekk jista’ jingħad għal xogħlijiet li kienu qed isiru f’dawn il-jiem mill-inġiniera u t-tekniċi tal-Enemalta fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Elettriku f’Ħal Kirkop.
Fi proċess kumplikat, kellu jinbidel voltage transformer li sofra ħsarat. Fost oħrajn biex sar dan kellu jiġi żarmat tagħmir li juża SF6 bħala insulator. Dan filwaqt li l-SF6 jintuża fis-sistema tal-elettriku, jista’ jkun ta’ periklu għal bniedem, speċjalment jekk il-gas ikun ikkontaminat kif ukoll jekk ix-xogħol ma jsirx bil-prekawzjonijiet meħtieġa tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.
Waqt li kien għaddej dan ix-xogħol, fl-ebda ħin ma ġiet interrotta l-provvista tal-elettriku minn dan iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni li jforni l-provvista tal-elettriku lil eluf ta’ klijenti f’Ħal Kirkop, il-Qrendi, l-Imqabba u Ħal Safi.