Ser tirdoppja l-kapaċità taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni f’Marsaskala

02.09.2022

It-tekniċi u l-inġiniera ta’ Enemalta plc għaddejjin bl-aħħar xogħlijiet tal-proġett tal-estensjoni taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni f’Marsaskala, b’investiment t’aktar minn €2.5 miljun.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Kumpanija poġġiet f’postu transformer ġdid b’kapaċita ta’ 22.5MVA li jiżen kważi ħamsin tunnellata. B’hekk dan iċ-ċentru issa għandu tliet transformers sabiex b’hekk ser tirdoppja l-kapaċità ta’ dan iċ-ċentru u tiżdied il-flessibilità biex tipprovdi s-servizzi tagħha lill-klijenti f’dawn l-inħawi

Dan iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni huwa ħolqa oħra importanti fin-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali għaliex iwassal il-provvista’ tal-elettriku lil eluf ta’ residenti u negozji fl-inħawi ta’ Marsascala, ż-Żejtun, Marsaxlokk, Ħaż-Żabbar u x-Xgħajra.

Il-proġett jinvolvi t-tkabbir taċ-ċentru kif ukoll l-immodernizzar tat-tagħmir fosthom bis-switchgear ġdid tal-11kV u 33kV. Wara li tlestu t-testing li għaddej bħalissa, Enemalta tkun tista tikkummissjona u tibda tuża t-transformer il-ġdid fil-ġimgħat li ġejjin.

Fl-aħħar xhur il-Kumpanija wettqet diversi interventi ta’ tisħiħ tal-provvista’ tal-elettriku f’diversi lokalitajiet kemm b’cables ta’ vultaġġ għoli ġodda u anke bit-tibdil ta’ wires fit-toroq, kif ukoll bl-introduzzjoni ta’ 25 substation ġdida f’diversi lokalitajiet kemm f’Malta u anke f’Għawdex.