83% tal-art tal-Enemalta fil-Qajjenza ser tinbidel fi spazji aċċessibli u miftuħa għall-pubbliku

05.02.2025

 

83% ta’ l-art industrijali tal-Enemalta fil-Qajjenza ser tinbidel fi spazji miftuħa u aċċessibbli għallpubbliku. Dan joħroġ mill-pjanti li ġew ippreżentati mill-Enemalta għall-analiżi tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Ippjanar.

Fl-eks impjant tal-gass fil-Qajjenza, l-Enemalta hija s-sid ta’ 13,560 metru kwadru t’art. Bil-pjanijiet tal-kumpanija, 11,250 metru kwadru minnhom se jinbidlu fi spazji pulliċi (83%). Wara li tittieħed id-deċizjoni tal-‘Planning Control Application’, Enemalta tkun tista’ tissotometti applikazzjoni ta’ żvilupp għall-konsultazzjoni, skrutinju u l-approvazzjoni tal-Awtorita tal-Ippjanar, skond kif titlob il-liġi.

Għal 55 sena, l-impjant tal-gass fil-Qajjenza kien jintuża biex jiġi maħżun u ibbottiljat l-LPG, qabel ma s-sit kien dekommissjonat.

Minħabba s-sinifikat storiku u arkitettoniku tiegħu, u kif mitlub mis-Supretendenza tal-Wirt Kulturali, il-kanupew eżistenti se jiġi rrestawrat u miżmum u jkun parti miż-żona pubblika. LEnemalta qed tippjana li tinkludi żona ħadra fuq faċilità ta’ parkeġġ ġdid li se jkun ukoll aċċessibbli għall-komunità. Iż-żona mibnija, li tkejjel madwar 2,300 sqm, mistennija li jkollha użu mħallat għal skopijiet kummerċjali u tal-komunità.

Bħala entità kummerċjali, Enemalta għanda responsabbiltà biex tissalvagwardja l-assi tagħha.

Għandha wkoll responsabbiltà korporattiva li tikkunsidra l-bżonnijiet tar-residenti tal-Qajjenza u tal-komunitajiet tal-madwar. Riżultat ta’ dan, 83% tal-art tal-Enemalta fil-Qajjenza se tkun iddedikata bħala spazji miftuħa u aċċessibbli għall-pubbliku. Din id-deċiżjoni ttieħdet ukoll biex tiġi evitata kwalunkwe spekulazzjoni ta’ żvilupp fuq il-propjetà tal-Enemalta.

Biex jissaħħaħ l-involviment tal-komunità, huwa previst li jiġu integrati uffiċini ġodda immexxija mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa fuq l-istess sit.

“Bħala Enemalta ninsabu impenjati li nilħqu l-bilanċ bejn ir-responsabbiltà korporattiva malħtiġijiet tal-komunità. Bħala kumpanija, art li hi proprjetà tal-Enemalta hija ass, b’valur kummerċjali li trid tiġi ġestita b’mod responsabbli. Bl-għażla li niddedikaw 83% tas-sit tal-Qajjenza tagħna għal spazji miftuħa u aċċessibbli għall-pubbliku, irridu noħolqu bilanċ bejn l-operat kummerċjali tal-kumpanija u l-għażla li din l-art isservi ta’ skop akbar għar-residenti ta’ Birżebbuġa.

Għalhekk se nkunu qed nintroduċu faċilitajiet ġodda għall-komunità, spazji ħodor u opportunitajiet kummerċjali li jibbenefikaw lill-pubbliku u n-negozji b’mod sostenibbli fuq sit industrijali,” spjega l-Ing. Ryan Fava, chairman eżekuttiv tal-Enemalta.