Stqarrija mill-ministeru għall-ambjent, l-enerġija u r-riġenerazzjoni tal-port il-kbir

24.02.2024

Enemalta ħarġet sejħa għall-offerti għall-iżvilupp ta’ ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fis-Siġġiewi, ħolqa ġdida tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-pajjiż biex issaħħaħ is-servizzi elettriċi lill-klijenti f’din iż-żona.

Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni fis-Siġġiewi, huwa parti minn investiment ta’ madwar €70 miljun fil-grid tal-elettriku finanzjat taħt il-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza skont l-għanijiet tar-RePowerEU, flimkien maċ-ċentru l-ġdid tan-Naxxar, u fixra usa’ ta’ investimenti fit-tisħiħ tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Uħud minn dawn l-investimenti qegħdin jiġu msemmija hawn taħt u jikkumplimentaw l-investimenti nazzjonali.

Iċ-ċentru tas-Siġġiewi huwa wieħed minn erba’ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda li se tkun qed tiżviluppa Enemalta fis-snin li ġejjin bħal parti mill-pjan ta’ tisħiħ fin-netwerk għas-sitt snin? li ġejjin, għal kwalità ta’ servizzi tal-elettriku aħjar f’Malta u Għawdex. Dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid se jintroduċi żieda fil-kapaċità u l-affidabbiltà fin-netwerk tal-elettriku li se jkun qed jissupplixxi lill-klijenti fis-Siġġiewi, f’Ħaż-Żebbuġ, f’Ħal Qormi, fiż-Żurrieq, fil-Qrendi, fl-Imqabba u aktar inħawi fil-madwar.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, enfasizzat l-importanza ta’ dan l-investiment waqt li żaret lit-tekniċi u l-inġiniera tal-Enemalta waqt xogħol ta’ manutenzjoni u ttestjar f’wieħed miċ-ċentri tad-distribuzzjoni tal-kumpanija f’Ħal Kirkop.

“Permezz ta’ dan il-pjan ta’ sitt snin, Enemalta qed taħdem biex tikkonsolida l-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’kull lokalità f’Malta u Għawdex biex tkompli ttejjeb il-kwalità u l-affidabbiltà tas-servizzi elettriċi. It-tkabbir ekonomiku, it-tibdil fil-klima, iż-żieda fl-elettrifikazzjoni u ż-żieda mgħaġġla ta’ konnessjonijiet ta’ rinnovabbli mal-grid minn ħafna familji u negozji jeħtieġu infrastruttura aktar reżiljenti b’aktar kapaċità u flessibbiltà. Biex insaħħu dan is-servizz daqstant importanti, qed nittripplikaw l-investiment fl-infrastruttura tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku fl-2024, li mistenni jilħaq €55 miljun”, qalet il-Ministru Dalli.

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta Ryan Fava spjega kif iċ-ċentru tad-distribuzzjoni l-ġdid tas-Siġġiewi se jinkludi żewġ transformers ta’ 30MVA, żewġ kmamar għall-iswitchgear u tagħmir ieħor ta’ kontroll u protezzjoni. Dan l-iżvilupp se jkun qed iżid il-flessibbiltà tan-netwerk f’partijiet oħra f’Malta billi jtaffi l-piż fuq iċ-ċentri tad-distribuzzjoni eżistenti li bħalissa jissupplixxi s-Siġġiewi u l-lokalitajiet tal-madwar, inkluż dawk ta’ Ħal Kirkop, Ħal Far, il-Mosta u l-Marsa (South).

Il-proċessi tal-ippjanar u x-xiri għall-iżvilupp taċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar jinsabu fi stadju avvanzat ukoll. Enemalta għadha kemm poġġiet aktar minn 18-il kilometru mit-30 kilometru ta’ cables meħtieġa biex jissupplixxu dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni u biex iwassal l-elettriku f’diversi substations fin-Naxxar, il-Mosta, il-Għargħur u żoni oħra fil-qrib.

F’Diċembru, Enemalta ħarġet sejħa oħra t’offerti biex timmodernizza ċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-Imsida b’switchgear ġdid, transfomers u apparat ieħor aktar avvanzat. Enemalta qed tippjana li żżid il-kapaċità fiċ-ċentru tad-distribuzzjoni f’St Andrew’s (Pembroke). Għaddej ġmielu wkoll ix-xogħol biex jitkabbar iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ta’ Buġibba, b’diversi switchgear panels ġodda.

Fl-istess waqt, fi proġett ieħor li ġie mħabbar f’Diċembru, Enemalta qed tpoġġi aktar minn 70 kilometru ta’ cables ġodda ta’ 11-il kilovolt f’lokalitajiet differenti biex iżżid konnessjonijiet alternattivi ġodda li jnaqqsu r-riskju ta’ interruzzjonijiet fin-netwerk filwaqt li jħaffu l-ħin li fih tingħata lura l-provvista meta jinqalgħu diffikultajiet bħal dawn. F’xahrejn, il-Kumpanija diġà lestiet aktar minn 29 kilometru ta’ cables, b’70 konnessjonijiet li jgħaqqduhom ma’ ċentri tad-distribuzzjoni u substations differenti. It-tqegħid ta’ cables f’Bormla, il-Fgura u Ħal Kirkop huma lesti. Għaddejjin xogħlijiet f’Ħad-Dingli, ir-Rabat, iż-Żurrieq, il-Mosta, in-Naxxar, ix-Xgħajra, il-Kalkara, Ħal Għaxaq, il-Gudja, Ħal Far u Ħaż-Żabbar. Xogħlijiet ta’ cables fin-Nadur u f’lokalitajiet oħrajn se jkunu qed jibdew fil-ġimgħat li ģejjin.